Mill-Parlament Ewropew: Mument storiku

Mument storiku. Hekk huwa l-mod ta’ kif il-Parlament Ewropew iddeskriva l-ftehim milqugħ bejn il-mexxejja Ewropej dwar il-fond ta’ rkupru ekonomiku u l-baġit għas-seba’ snin li ġejjin bejn l-2021 u l-2027.

Mument storiku għax iċ-ċittadini Ewropej huma mdorrija b’risposti ta’ miżuri ta’ awsterità

 minn naħa tal-Unjoni Ewropea għal kriżi finanzjarja. Jekk nieħdu l-kriżi finanzjarja tal-2008, ħafna pajjiżi Ewropej imxew lejn qtugħ fl-ispiża tas-settur pubbliku b’impatt qawwi fuq is-servizzi tas-saħħa, il-pensjonijiet, l-opportunitajiet edukattivi u impjiegi għaż-żgħażagħ bir-rat ta’ qgħad tiżdied.

Din id-darba iżda, anke grazzi għall-pressjoni mill-Parlament Ewropew, insistejna fuq fondi li jgħinu lill-Istati Membri jappoġġjaw l-ekonomija lokali tagħhom u jadottaw miżuri li jinċentivaw l-investiment. Huwa mument storiku għax iċ-ċittadini Ewropej raw 27 pajjiż differenti jasal għal ftehim wieħed minkejja d-differenzi li jeżistu. Huma negozjati li kienu ilhom għaddejjin, anke fuq livell tekniku.

Għalhekk din il-ġimgħa vvotajna fuq il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew dwar dan il-ftehim. Għal Malta, il-pakkett maqbul huwa wieħed pożittiv. B’appoġġ lejn il-Gvern Malti, dejjem insistejt dwar l-importanza li fl-allokazzjoni tal-fondi, Malta ma tkunx penalizzata għax ir-rata ta’ qgħad hija waħda baxxa jew għax it-tkabbir ekonomiku kien jiżboq lil ta’ pajjiżi oħra. Punt li qajjimt kemm-il darba fil-Grupp politiku tagħna kif ukoll mal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula Von der Leyen.

€327 miljun – minn allokazzjoni rekord ta’ €2.25 biljun – huma fondi diretti mill-fond ta’ rkupru ekonomiku Ewropew. Dan biex jintuża għall-appoġġ f’oqsma u setturi differenti milquta mill-pandemija COVID-19. Kuntrarjament għall-kriżi finanzjarja tal-2008, l-UE għarrfet illi r-risposta ma tistax tkun miżuri ta’ awsterità. Għalhekk, dawn il-fondi issa jridu jintużaw biex jgħinu setturi differenti jqumu fuq saqajhom, bħal dak tat-turiżmu.

Din il-ġimgħa kelli l-opportunità li nżur xi stabbilimenti fir-Rabat Għawdex u x-Xewkija, inkluż il-kumpless Gozitano. Kull ma’ min tkellimt qal bl-aktar mod ċar li l-għajnuna tal-Gvern f’dawn ix-xhur kienet kruċjali biex ma jitkeċċewx ħaddiema. Ħassew id-daqqa tax-xhur mingħajr turiżmu u issa jħarsu lejn dawn ix-xhur tas-sajf biex in-negozju jirpilja. Kien hemm min kompla jinvesti fin-negozju tiegħu biex joffri servizz alternattiv lill-klijenti.

Huwa importanti li s-sidien tan-negozji jinvesti fi prodotti ġenwini u servizzi lokali biex il-konsumatur jonfoq flusu f’Malta u b’hekk ikun qed jgħin lis-setturi lokali.

Share With: