Morgan De Sanctis irid jitlaq mill-amministrazzjoni ta’ Roma

Wara li Gianluca Petrachi ġie sospiż mill-kariga ta’ direttur sportiv ta’ AS Roma, issa kien imiss lit-team manager Morgan de Sanctis li jixħet aktar pressjoni meta ħabbar li mistenni jirriżenja mill-kariga tiegħu.

De Sanctis sostna li s-sitwazzjoni interna tal-club xejn m’hi mill-aħjar. L-iktar ħaġa li urtatu kienet proprju l-fatt li ma ġiex ikkonsultat f’ċerti deċiżjonijiet u li saħansitra ma ssodisfawx il-ħtiġijiet tax-xogħol tiegħu.

B’konsegwenza ta’ dan, l-ex goalkeeper internazzjonali Taljan naqas milli jmur lejn Trigoria minħabba li ħassu urtat bil-kbir filwaqt li fisser kemm hemm taħwid fi ħdan il-club.

Wara dan kollu li ġara l-ogħla awtoritajiet tal-klabb qed jippruvaw iħajruh sabiex jibqa’ jżomm il-kariga u fi stqarrija uffiċjali se jkunu qed jiltaqgħu miegħu fil-jiem li ġejjin.

Roma qed jippruvaw jgħaddu għand il-multi-miljunarju Dan Friedkin minħabba li James Pallotta lest li jċedi l-assi tal-club.

Share With: