Neymar irid jirritorna ma’ Barcelona

L-attakkant internazzjonali Brażiljan Neymar jinsab iddisprat li jirritorna jilgħab ma’ Barcelona hekk kif l-ogħla awtoritajiet ta’ Paris St Germain qed jindunaw li aħjar ibigħuh biex ma jitilfux prezz tajjeb għalih. 
Il-player Brażiljan ta’ 28 sena ħalla lill-Katalani, f’Awwissu 2017, biex ingħaqad maċ-champions Franċiżi għas-somma rekord ta’ €220 miljun. Wara perjodu ta’ tliet snin fejn kellu sehem fis-suċċessi tal-Pariġini,  ir-ritorn tiegħu fi Spanja qed jissemma’ aktar minn qatt qabel.

Skond rapport fil-media Franċiża Neymar qed iħoss nostalġija kbira tal-mumenti li qatta’ mal-ex kollegi tiegħu Sergio Busquets, Gerard Pique, Luis Suarez u Lionel Messi, u qed jara lilu nnifsu magħhom. 

Meta qegħdin jaraw dan, il-Pariġini qed ikunu  dejjem aktar frustrati iżda qed jikkunsidraw li jieħdu deċiżjoni biex iħalluh jitlaq.

Min-naħa tagħhom, stqarrija maħruġa mill-president ta’ Barcelona, Josep Maria Bartomeu, qalet li l-club lest li jilqa’ lura lil dan il-player fi ħdanu. Madankollu huwa sostna li mhux se tkun faċli li jieħdu lil Neymar minħabba xi kwistjonijiet burokratiċi min-naħa tal-istess Paris St Germain. 

Min-naħa tagħhom huwa fatt magħruf li Barcelona għandhom xi diffikultajiet finanzjarji speċjalment meta faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19. Huwa għalhekk li biex jakkwistaw lill-istilla Brażiljana, iridu jkunu lesti li jneħħu xi ftit mill-players tagħhom fl-iskwadra li bihom ikunu jistgħu jaqilgħu somma tajba ta’ flus. 

Neymar lagħab ma’ Barcelona bejn l-2013 u l-2017 fejn minn 123 partita skorja 68 goal. Fil-belt kapitali Franċiża huwa skorja ammont impressjonanti ta’ goals meta minn 52 logħba hu sab ix-xibka 47 darba. 

Share With: