Nhar il-Ġimgħa mistenni jagħti x-xhieda tiegħu l-eks Kap tal-Komunikazzjoni tal-OPM Kurt Farrugia

Dalgħodu se tkun qed tkompli l-inkjesta pubblika fir-rigward tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Fis-seduta li għaddiet l-inkjesta, immexxija mill-Imħallef Emeritus Michael Mallia, l-eks-Prim Imħallef Joseph Said Pullicino, u l-Imħallef Abigail Lofaro, semgħet kif dokumenti relatati mal-kumpanija 17 Black u tagħmir elettroniku sekwestrati minn Yorgen Fenech, l-allegat mandant tal-qtil, wasslu lill-pulizija biex jidentifikaw numru ta’ persuni biex jiġu interrogati.

Caruana Galizia kienet inqatlet b’bomba fil-karozza tagħha nhar is-16 ta’ Ottubru tal-2017. Tliet irġiel – George u Alfred Degiorgio, u Vince Muscat – jinsabu mixlijin li wettqu l-qtil. Dan filwaqt li Yorgen Fenech huwa mixli li kien il-mandat tad-delitt.

Agħmel refresh tal-paġna biex tara l-aħħar aġġornamenti

10.14: Is-sessjoni tal-lum tiġi fi tmiemha, bis-seduta li jmiss skedata għal nhar il-Ġimgħa li ġej. Dakinhar mistenni li jagħti x-xhieda tigħu l-eks-kap tal-komunikazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Kurt Farrugia.

10.09: Borg jitlob lill-bord tal-inkjesta pubblika biex jixhed dwar aspetti ta’ sigurtà b’bibien magħluqin, iżda jintalab jagħmel is-sottomissjonijiet tiegħu bil-miktub. Borg itemm ix-xhieda tiegħu.

09.57: Jgħid li ntalab minn uffiċjal fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex iżomm il-pubblikazzjoni tal-artiklu b’ġurnata. Qal li kien ta deadline ta’ ftit sigħat, bl-uffiċjal jgħidu li f’dan il-każ kien se jibda jiġi injorat mill-OPM fil-futur.

09.54: Jgħid li ried jagħmel il-punt li meta tiġi ippubblikata storja investigattiva, il-Pulizija ma tkomplix bl-investigazzjonijiet tagħha.

09.53: Jibda jagħti x-xhieda tiegħu l-ġurnalist Victor Paul Borg. Jgħid li kien ġie lura Malta ħames snin ilu, u fost l-affarijiet li wasslitu għal ġurnaliżmu investigattiv kien proprju l-qtil ta’ Caruana Galizia. Jgħid li fit-13 ta’ Jannar ta’ din is-sena kien investiga negozji fi proprjetà u dikjarazzjonijiet foloz ta’ pussess minn Times of Malta. Jiġi mfakkar li l-inkjesta tikkonċerna biss kwistjonijiet relatanti mal-qtil ta’ Caruana Galizia.

Share With: