Numru ta’ ħaddiema ta’ Vodafone fi kwarantina … Xi ħwienet magħluqin temporanjament

Vodafone Malta se jkunu qed jagħlqu xi ħwienet temporanjament minħabba prekawzjonijiet li l-kumpanija għażlet li tieħu fl-interess tal-ħaddiema u l-klijenti tagħha kollha.

Kelliema għal Vodafone Malta kkonfermat ma’ inewsmalta li wara li ġiet infurmata li kien hemm numru ta’ ħaddiema li kienu attendew għall-party li fih rriżulta li kien hemm numru ta’ persuni li ġew infettati bil-Covid-19, il-kumpanija għażlet li tagħti s-sapport tagħha kollu lil dawk involuti fl-interess ta’ kulħadd.

Kien għalhekk li xi ħaddiema kienu mitlubin jaħdmu b’mod remot mir-residenzi tagħhom u konsegwentament il-kumpanija spiċċat b’nuqqas ta’ ħaddiema li jistgħu joffru servizz. Dan wassal biex xi ħwienet kellhom jingħalqu b’mod temporanju.

Mhux biss, inewsmalta tinsab infurmata li l-kumpanija kkuntattjat l-awtoritajiet tas-saħħa u saret il-mitigazzjoni neċessarja sabiex tassigura li l-ħwienet tagħha huma ċertifikati siguri biex ikomplu joffru s-servizz.

Il-kumpanija se tibqa’ f’kuntatt kontinwu mal-awtoritajiet tas-saħħa sabiex tassigura li s-saħħa ta’ kull individwu tiġi mħarsa. Intant Vodafone irringrazzjat lill-klijenti tagħha li jifhmu dawn iċ-ċirkostanzi.

Share With: