Patric sospiż erba’ logħbiet talli gidem avversarju

Id-difensur Spanjol ta’ Lazio, Patric, 27 sena, ingħata sospensjoni ta’ erba’ logħbiet u mmultat €10,000 wara li gidem lil Giulio Donati ta’ Lecce fit-telfa ta’ 2-1 li l-club mill-kapitali Taljana sofra din il-ġimgħa. Huwa ġie muri l-karta l-ħamra diretta għall-offiża tiegħu li seħħet fil-ħin miżjud. Huwa se jitlef il-logħba kontra Juventus tal-20 ta’ Lulju.

“Nitlob apoloġija għall-imġieba tiegħi. Ma kontx fi stat elokwenti,” kiteb Patric fuq Instagram.

Patric għamel apoloġija, u Donati, li ma weġġax fl-inċident li ġie nnutat mill-VAR, aċċettaha. “Dawn huma affarijiet li jistgħu jiġru f’tensjoni għolja, iżda meta wieħed jifhem l-iżball u jitlob skuża, għandu jibqa’ fil-pitch mingħajr l-ebda animożitá,” huwa qal.

Lazio jinsabu seba’ punti wara l-leaders Juventus meta għat-tmiem fadal seba’ logħbiet oħra hekk kif qed jippruvaw jirbħu l-ewwel Scudetto mill-istaġun 1999-2000.

Share With: