Persuna arrestata fuq serq minn lukanda

Żagħżugħ ta’ 19-il sena, residenti Ħal Tarxien, il-lejl li għadda ġie arrestat f’San Pawl il- Baħar b’rabta ma’ serqa minn lukanda. 

Ilbieraħ, għall-ħabta tal-11:30 p.m, il-Pulizija ġew infurmati minn xi ħaddiema ta’ lukanda, li tinsab fi Triq il-Qawra, f’San Pawl il-Baħar, li persuna allegatament kienet għadha kif serqet il-kexxun tal-flus minn ġo restaurant li jinsab fl-istess lukanda u li għandhom suspett f’raġel li kien fil-viċinanzi tal-lukanda. 

Il-Pulizija tad-Distrett marru mill-ewwel fuq il-post, fejn fi Triq l-Artikli f’San Pawl il-Baħar, innutaw żagħżugħ suspettuż li kien jaqbel mad-deskrizzjoni li ġew mgħotija. 

Huwa ġie arrestat minnufih u minn tfittxija li saret fuqu nstab li kellu ammont konsiderevoli ta’ muniti fuqu. 

Iż-żagħżugħ ittieħed il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għall-aktar investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin. 

Share With: