Persuni jgħixu f’“kamp” li bnew fil-parkeġġ ta’ dak li kien l-Isptar San Luqa

Minn MELVIN FARRUGIA

Grupp ta’ persuni qegħdin jgħixu f’“kamp” li bnew fil-parkeġġ ta’ dak li kien l-Isptar San Luqa fi Gwardamangia. 

Żorna dan il-parkeġġ, fejn sabet dan il-kamp magħmul minn pallets tal-injam u li fih hemm anke sufan. Kollox jindika li fih qegħdin jgħixu xi nies, peress li kien hemm anke affarijiet personali bħal żraben, kif ukoll ġugarelli ta’ xi tfal. 

Dan il-kamp inbena ma’ ġenb ta’ karozza tal-għamla Peugeot, li tidher mitluqa f’parkeġġ li suppost hu riservat għal persuni b’diżabilità. Mal-ħajt ta’ fuq din il-karozza tidher ukoll twissija biex ħadd ma jmiss xejn minnha għax inkella s-sidien tagħha jaqbdu lil min ikun messha u jsawtuh.

Dwar dan, tkellimna mal-Pulizija, li qalulna li mhux l-ewwel darba li kellhom ineħħu xi nies minn hemm waqt ir-rondi li jagħmlu, meta jsibuhom reqdin fil-karozzi. 

Il-Pulizija spjegawlna li l-parkeġġ indikat kien ġie diskuss is-sena l-oħra f’laqgħa li l-Pulizija kellha mal-Kunsill Lokali Tal-Pietà. Semmewlna li kien ġie indikat tħassib mir-residenti dwar vetturi abbandunati li jinsabu hemmhekk. Għalhekk il-Pulizija kienet ħadet azzjoni minnufih billi għamlet diversi spezzjonijiet u ġew identifikati diversi vetturi abbandunati li ġew ordnati b’avviż tal-irmonkar ħalli jitneħħew, u eventwalment, wara li skada t-terminu tal-avviż, ġew irmonkati kollha.

Il-Pulizija komplew jispjegaw kif dan kollu seħħ wara li l-amministrazzjoni tal-isptar bagħtet dikjarazzjoni li l-post hu wieħed pubbliku u għalhekk setgħet titmexxa din l-azzjoni.

Barra hekk, il-Pulizija kompliet tgħidilna li saret ukoll laqgħa mal-Amministrazzjoni tal-istess sptar biex ma jsirux iktar reati fl-istess lok. Semmew li f’din il-laqgħa l-Pulizija ħeġġet biex il-barrier ta’ dan il-parkeġġ terġa’ tibda topera għall-aċċess ikkontrollat tal-vetturi, li l-post jiġi mdawwal u anke li jsiru r-rondi mill-uffiċjali tas-sigurtà tal-istess sptar. Il-Pulizija qalet li l-amministrazzjoni tal-isptar kienet qaltilha li hemm pjan biex il-parkeġġ jiġi rinnovat, li għandha ftehim mal-kunsill biex il-parkeġġ jintuża għar-residenti u li kien hemm anke xi drittijiet għal terzi persuni biex jaċċessawh. 

Intant ikkuntattjajna wkoll lis-Sindku tal-Pietà, Keith Tanti li qalilna li jafu b’dawn in-nies, iżda ma jistgħu jagħmlu xejn dwarhom għax il-parkeġġ hu wieħed privat u ngħata b’konċessjoni mal-isptar. Tanti qal li bħala kunsill huma għamlu dak li kellhom jagħmlu, billi ressqu l-ilment lill-awtorità kompetenti – il-Pulizija. Saħaq li bħala kunsill huma xebgħu jirrapportaw lill-Pulizija dwar dawn in-nies, iżda aktar minn hekk ma jistgħu jagħmlu xejn aktar. 

Finalment, tkellimna wkoll mal-YMCA li meta għednielhom dwar din il-possibbiltà li hemm nies jgħixu barra, bagħtu tim minn tagħhom filgħaxija  u sabu lil raġel jgħix hemm. Huma assistewh billi tawh xi ikel u anke informazzjoni minn fejn jista’ jikseb l-għajnuna. Barra minn hekk, stidnuh biex imur fiċ-ċentru tagħhom fil-Belt Valletta ħalli jiddiskutu s-sitwazzjoni tiegħu. Il-YMCA kkonfermat li dan ir-raġel li sabu hu Malti. 

Share With: