Pjan fit-Tul għall-Ambjent u l-Ippjanar f’Pajjiżna

Aktar kmieni din il-ġimgħa l-Ministru tal-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia nieda l-viżjoni tal-Istrateġija Nazzjonali Ambjentali (NSE) u l-proċess tar-reviżjoni tal-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Ippjanar (SPED). Huwa spjega kif dan il-proċessi qed jinbdew għax bħala Gvern u bħala pajjiż jeħtieġ li nagħtu prova f’dan il-mument li nifhmu min aħna, dak li nemmnu fih u fejn irridu nieħdu lil pajjiżna fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli u intelliġenti u l-protezzjoni tal-ambjent. 

Farrugia qal “L-istrateġija nazzjonali ambjentali eżistenti stabbilixxiet il-pedamenti sabiex tintlaħaq sostenibbiltà ambjentali”. Il-ministru spjega ukoll li hu jħoss li issa wasal iż-żmien li nżidu l-impenn tagħna u nkunu kuraġġużi sabiex immexxu strateġiji komprensivi għall-ambjent b’termini long-term li jwassluna sas-sena 2050.

Il-Ministru spjega li Malta adottat l-ewwel SPED fl-2015, pjan li jindirizza t-temi spazjali u tal-ippjanar tal-gżejjer Maltin b’mod ħolistiku u li minnu joħorġu l-policies kollha li jirregolaw id-deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ippjanar. Ir-reviżjoni ta’ din l-istrateġija se tagħti opportunità lill-esperti u lill-poplu Malti biex flimkien jipprovdu s-sisien għall-analiżi ta’ fejn irridu nieħdu lil pajjiżna fiz-żmien li ġej bi proċess estensiv ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi u studji speċifiċi. 

Min-naħa l-oħra, l-Istrateġija Nazzjonali għall-Ambjent se tkun qed toffri linji gwida għat-tletin sena li ġejjin u li kull politika oħra fil-pajjiż trid tħares lejn il-kwalià tal-ħajja tal-poplu bħala prijorità.  

Jindirizzaw din l-attività kien hemm preżenti l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi il-Perit Michelle Piccinino, u iċ-Chairperson tal-Kunsill Eżekuttiv fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar Martin Saliba. 

Il-Perit Michelle Piccinino qalet li l-bidla fundamentali li ġabet magħha t-twaqqif tal-ERA hija tħejjija ta’ qafas ta’ politika li fiċ-ċentru tagħha hemm l-ambjent. Hija żiedey li “huwa ta’ sodisfazzjon kbir li qed inħabbru l-ewwel abbozz ta’ Viżjoni Strateġika ghall-Politika Nazzjonali Ambjentali – Wellbeing First Vision 2050. Din il-viżjoni se tiggwidana sabiex naslu għal progress bi kwalità ta’ ħajja aħjar. Il-miri tal-Awtorità huma li permezz ta’ din il-policy jintlaħqu bilanċ u sinerġija bejn id-dimensjonijiet ambjentali, soċjali u ekonomiċi. Dan kollu jirrikjedi tibdil fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, mhux li ma jkollniex il-kumditajiet neċessarji, iżda li dak li naffordjaw nagħmlu llum inkunu nistgħu nibqgħu nagħmluh b’mod li jirrispetta l-ambjent bħala soċjetà kemm illum kif ukoll fil-ġenerazzjonijiet futuri”.

Min-naħa tal-PA, Martin Saliba qal li d-dinja, inkluż pajjiżna, qed tgħaddi minn bosta bidliet tranżitorji u qed taffaċċja sfidi u realtajiet ġodda fuq diversi fronti. “Ir-realtajiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-lum u ta’ għada qed jinbidlu u għalhekk huwa opportun għalina li nibdew ir-reviżjoni tad-dokument SPED tal-2015. SPED huwa dokument ewlieni peress li jagħti direzzjoni strateġika lill-immaniġġjar sostenibbli dwar l-użu tal-art u tal-baħar ta’ pajjiżna. Aħna niżguraw li matul il-proċess kollu ta’ din ir-reviżjoni nagħmlu konsultazzjoni estensiva mal-partijiet interessati kollha. Din il-konsultazzjoni nqisuha bħala parti kruċjali sabiex niżguraw li dan id-dokument strateġiku jipprovdi viżjoni u soluzzjonijiet ta’ policies tematiċi innovattivi li jsibu bilanċ bejn it-tkabbir ekonomiku, il-kwalità tal-ħajja u l-protezzjoni tal-ambjent”, qal is-Sur Saliba.

Share With: