Pożizzjonijiet differenti mill-movimenti taż-żgħażagħ tal-PN dwar Delia; L-MŻPN kontrih iżda Team Start jappoġġjawh

Il-ġlied intern li ħakem lill-Partit Nazzjonalista kompla joħroġ fid-deher b’bosta uffiċjali fi ħdan il-Partit b’mod miftuħ joħorġu jattakkaw lill-Kap Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, filwaqt li jagħmlulu pressjoni biex iwarrab.

Ma’ dawn ingħaqad ukoll Joseph Grech, President tal-MŻPN li tenna li “ninsab konvint aktar minn qatt qabel li biex il-Partit Nazzjonalista jimxi ’l quddiem u jerġa’ jkun forza politika b’saħħitha u li tispira, mingħajr aktar dewmien irid ikun hemm bidla fit-tmexxija.”

Huwa temm jgħid li l-PN għandu bżonn kap li kapaċi jgħaqqad in-nies warajh.

Fehma li tikkuntrasta bil-kbir ma; dik ta’ Thomas De MArtino, il-President tal-moviment l-ieħor taż-żgħażagħ fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, Team Start. De Martino ħareġ jikkritika fil-miftuħ lid-deputati ribelli li sfiduċjaw lill-Partit Nazzjonalista f’vot sigriet meħud il-ġimgħa li għaddiet, u f’intervista riċenti saħaq li l-partit Nazzjonalista huwa “hijacked minn erba’ min-nies li jaħsbu li għandhom xi jedd speċjali fuq il-Partit”.

Saħansitra f’kumment li ppubblika fuq il-midja soċjali, De Martino ħareġ ukoll kontra l-għażla ta’ Therese Comodini Cachia mid-deputati ribelli fi ħdan il-PN biex tkun il-Kap tal-Oppożizzjoni. Fil-kumment tiegħu De Martino kien tenna li mhuwiex wara Kap tal-Oppożizzjoni magħżula minn erba’ min-nies biss. Huwa żied jattakka lil Comodini Cachia fejn saħaq li lanqas mhuwa wara Kap tal-Oppożizzjoni “li kieku tista’ lanqas qiegħda fil-Parlament Malti għax riedet tibqa’ fi Brussell tpappiha sew”.

Share With: