Premju Nazzjonali tal-Ktieb u Terramaxka 2020 – il-finalisti

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed jippubblika l-lista tal-kotba finalisti għall-edizzjoni tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2020 għall-kotba ppubblikati fl-2019. 

Il-lista tal-kotba finalisti tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u tal-Premju Terramaxka 2020 ntgħażlet minn bord tal-aġġudikazzjoni indipendenti u sservi bħala gwida għall-aħjar kotba ppubblikati f’Malta matul is-sena ta’ qabel. Il-kotba finalisti jistgħu jinxtraw mill-ħwienet tal-kotba kollha, mis-siti tal-pubblikaturi fuq l-internet u mill-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020, li se jsir mill-11-15 ta’ Novembru f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, il-Belt Valletta. 

Minn total ta’ 182 sottomissjoni għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u l-Premju Terramaxka 2020 intgħażlu 68 ktieb finalist; 44 fid-disa’ kategoriji għall-kotba għall-adulti u 24 għall-Premju Terramaxka. Minn din is-sena, il-pubblikazzjonijiet ta’ poeżija qed jiġu kkunsidrati għal premji f’żewġ kategoriji distinti, għall-Poeżija bl-Ingliż u għall-Poeżija bil-Malti, li jikkorrispondu mal-lingwa li fiha nkitbu l-ġabriet. 

Il-kategoriji għar-Riċerka Ġenerali, u r-Riċerka Bijografika u Storjografika għandhom l-akbar numru ta’ kotba finalisti, bi ħdax-il titlu f’kull kategorija li jkopru firxa wiesgħa ta’ suġġetti tal-Melitensja. Il-kategorija tal-Premju Terramaxka għal Xogħlijiet Oriġinali għall-adolexxenti ta’ 13-16-il sena hija l-unika waħda li għaliha ma ntgħażlux kotba finalisti. 

Il-proċess tal-aġġudikazzjoni beda f’Mejju meta ġiet ippubblikata l-lista sħiħa ta’ sottomisjonijiet eliġibbli għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u l-Premju Terramaxka 2020. Fis-16 ta’ Lulju l-aġġudikanti ressqu l-lista ta’ kotba finalisti flimkien ma’ ġustifikazzjoni fir-rigward tal-kotba li ma ntgħażlux. Dawk l-awturi ta’ kotba li mhumiex finalisti u li jixtiequ jaċċessaw il-ġustifikazzjoni tal-ġurija għandhom jikkuntattjaw lill-amministraturi tal-premju fi ħdan il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. 

Il-Bord tal-Aġġudikazzjoni se jkun qed jagħżel ir-rebbieħa f’kull kategorija tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u l-Premju Terramaxka. Ir-rebbieħa tal-Premju Terramaxka jitħabbru nhar it-Tlieta 10 ta’ Novembru fil-ftuħ uffiċjali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020, filwaqt li r-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2020 jitħabbru waqt ċerimonja ta’ premjazzjoni aktar tard f’Diċembru. 

Għal aktar aġġornamenti rigward il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u l-Premju Terramaxka 2020 segwi l-paġna tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb fuq Facebook u l-websajt fuq https://ktieb.org.mt

Share With: