“Prodott ġenwin jagħti spinta lit-turiżmu lokali” – Miriam Dalli

L-appoġġ lejn it-turiżmu lokali u x-xiri ta’ prodotti lokali huwa importanti biex jgħinu lin-negozji jqumu fuq saqajhom wara l-pandemija COVID-19. Qalu dan sidien ta’ negozji Għawdxin lill-MPE Miriam Dalli.

Waqt żjara fil-gżira tat-tliet għoljiet, Dalli kellha l-opportunità li żżur stabbilimenti fir-Rabat u fix-Xewkija, inkluż il-kumpless Gozitano.

Bosta qalu li n-negozju qed jerġa jaqbad, iżda b’mod kajman u qed iħarsu lejn il-ġranet u l-ġimgħat li ġejjin biex ikomplu jżidu l-andament tan-negozju. L-ammont ta’ viżitaturi huwa sostanzjalment inqas matul il-ġimgħa, filwaqt li jiżdied fi tmiem il-ġimgħa. Intraprenditur partikolari enfasizza li t-tbassir għax-xhur tar-rebbiegħa kienu jindikaw sena rekord fl-ammont ta’ bookings, iżda l-pandemija wasslet għal daqqa finanzjarja mhux mistennija.

B’reazzjoni għal dan, Miriam Dalli enfasizzat l-importanza tat-turiżmu lokali. Sostniet li dawn ix-xhur għandhom iservu ta’ opportunità għaċ-ċittadini Maltin biex jonfqu l-flus li tant ħadmu għalihom lokalment. Qalet li kemm Malta kif ukoll Għawdex għandhom il-vantaġġ ta’ ħafna prodotti u servizzi lokali ġenwini. Il-konsum ta’ oġġetti u servizzi bħal dawn mhux biss jiżguraw lill-konsumatur prodotti ta’ kwalità tajba, iżda jżomm l-intrapriżi lokali għaddejjin.

Matul iż-żjara tagħha, Miriam Dalli semgħet il-mod li bih l-imprendituri Għawdxin iddiversifikaw l-operat tan-negozju tagħhom billi offrew bejgħ onlajn, wasslu oġġetti u servizzi lin-nies u ħasbu fi prattiċi innovattivi. Hija ħeġġet lis-sidien tan-negozji biex ikomplu jimplimentaw dawn il-prattiċi innovattivi.

L-imprendituri kollha faħħru l-għajnuna finanzjarja tal-Gvern, li għenet biex iżżomm il-ħaddiema fl-industriji li ntlaqtu l-aktar mill-pandemija. Semmew ukoll l-inċentivi sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż għall-passiġġieri li jużaw il-Gozo Ferries.

Miriam Dalli ħeġġet lis-sidien tan-negozji biex ikomplu jinvestu fi prodotti u servizzi ta’ kwalità.

Share With: