Raġel arrestat wara li pprova jsuq fuq żewġ Pulizija tar-RIU

Matul il-lejl li għadda, waqt ronda fil-limiti tal-Imqabba, il-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit arrestat ġuvni ta’ 23 sena, wara li pprova jsuq għal fuq il-pulizija meta twaqqaf minħabba li kien qiegħed isuq b’veloċità eċċessiva. 

Kienu għall-ħabta tas-1.00 a.m., xħin il-Pulizija nnutaw vettura tal-għamla Opel Astra tinstaq b’manjiera perikoluża fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija, fl-Imqabba. Iż-żewġ Uffiċjali li kienu fil-vettura tas-servizz resqu mal-ġenb sabiex jevitaw ħabta u kien hawn li l-Pulizija bdew isegwu l-karozza, iżda s-sewwieq injora s-sirena u żied fil-veloċità.  

Il-pulizija rnexxielhom iwaqfu l-vettura fi Triq il-Belt Valletta, fl-Imqabba u ordnaw lix-xufier biex joħroġ immedjatament minnha. Iżda huwa pprova jaħrab billi isuq għal fuq il-Pulizija. Il-Pulizija tar-RIU rnexxielhom iżommu lix-xufier u ħarġuh mill-karozza, madankollu baqa’ jkun aggressiv fil-konfront tagħhom u ma bediex jikkopera, bil-ġuvni jallega wkoll li kien bela xi sustanzi illegali.  

Għaldaqstant issejħet ambulanza li ħaditu l-Isptar Mater Dei għal kura meħtieġa. Iż-żewġ Pulizija tar-Rapid Intervention Unit ingħataw kura fiċ-Ċentru tas-saħħa tal-Furjana fejn aktar tard ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi ħfief. 

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.

Share With: