Raġel ieħor jitlef ħajtu f’attakk minn kelb il-baħar fl-Awstralja

Raġel tilef ħajtu meta kien qiegħed jistad fl-Awstralja wara li ġie attakkat minn kelb il-baħar. Ir-raġel ta’ 36 ġie migdum f’siequ meta kien qiegħed jistad fil-kosta ta’ Fraser Island ġewwa Queensland fit-Tramuntana ta’ Brisbane.

Tabib u infermiera li nzertaw fiż-żona taw l-ewwel għajnuna fuq il-post, iżda sfortunatament il-ġrieħi kienu kbar ħafna u r-raġel ġie ddikjarat mejjet ftit wara li waslu l-paramediċi.

Dan kien ir-raba’ attakk fatali minn klieb il-baħar ġewwa l-Awstralja din is-sena. Permezz ta’ stqarrija fuq facebook, is-Sindku ta’ Fraser Coast George Seymour esprima l-kondoljanzi lill-qraba kif ukoll wera s-sogħba tiegħu għal dan l-attakk.

Stqarrija tal-pulizija kienet tgħid li l-vittma tilef ħajtu sagħtejn u nofs wara li ġie attakkat.

Share With: