Raġel mixli li weġġa’ anzjan waqt li ipprova jisirqu

Maġistrat wissiet raġel mixli li ħebb għal anzjan biex ma jippruvax idaħħak meta wieġeb li ma jafx x’jisimhom il-ġenituri.

Mario Bartolo ta’ 47 sena minn Birżebbuġa tressaq quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella b’rabta mal-aggressjoni fuq Joseph Portelli.

Huwa kien mixli mill-Ispettur Roderick Attard li fl-24 ta’ Lulju li għadda, fl-istess lokalità, ipprova jisraq lil Portelli u li waqt dan l-attentat ikkaġunalu ġrieħi ħfief kif ukoll heddu.

Bartolo, li ma jaħdimx, kien akkużat ukoll li kiser il-paċi pubblika u li ġarr fuqu sikkina mingħajr permess tal-Pulizija.

Kien meta beda jiġi mistoqsi d-dettalji tiegħu li meta ntalab jgħid x’jisimhom il-ġenituri qal li ma jafx x’kien hemm miktub fuq il-preżentata jiġifieri l-karta li fuqha jkun hemm l-akkużi.

Wara li l-Maġistrat Vella wissietu biex ma jdaħħakx huwa ta l-ismijiet tal-ġenituri.

Bartolo wieġeb mhux ħati bl-Avukat Victor Bugeja, li deher għalih, talab biex jiġi eżaminat minn psikjatra bit-talba tkun milqugħa u ġie maħtur Joseph Cassar biex jagħmel ir-rapport.

Sakemm dan isir l-akkużat baqa’ miżmum taħt arrest fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Share With: