Ribelli ta’ Delia jħallu l-laqgħa tal-grupp Parlamentari … Comodini Cachia tgħid li Delia mhux jirrispetta l-grupp Parlamentari

Mistoqsija għalfejn ħalliet l-laqgħa tal-grupp Parlamentari Nazzjonalista li saret aktar kmieni fid-Dar Ċentrali, Therese Comodini Cachia qalet li bħala grupp staqsew lil Delia x’inhu l-pass ’il quddiem wara żewġ voti ta’ sfiduċji u deher ċar li mhux lest jiddiskuti mal-grupp Parlamentari.

Rigward l-aħħar żviluppi fis-sitwazzjoni ta’ Melvin Theuma, Comodini Cachia qalet li l-iżviluppi juru li l-PN bħala Oppożizzjoni trid tkun waħda kredibbli, stabbli u soda.

Qalet li kien għalhekk li talbu lil Delia biex jitkellem magħhom dwar il-pass li jmiss ’il quddiem, xi ħaġa li hu rrifjuta li jagħmel qabel għada; il-ġurnata li fiha se jkun qed jitlaqqa’ l-Eżekuttiv.

Fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia appella għall-kawtela f’dan il-mument delikat u qal li hu kien se jkun qed ilaqqa’ lill-grupp tiegħu kemm jista’ jkun malajr biex jiddiskuti dwar is-suġġett.

Share With: