Riżultati pożittivi mit-testijiet fuq vaċċini tal-Covid-19

Informazzjoni li ġiet ippubblikata fl-aħħar sigħat turi li testijiet li saru fuq tliet potenzjali vaċċini għall-pandemija tal-Covid-19 qegħdin juru riżultati inkoraġġanti ħafna. Fost dawn hemm il-vaċċin tal-Università ta’ Oxford. Dawn il-vaċċini jaħdmu billi “jħarrġu” lis-sistema ta’ immunità tal-bniedem biex tagħraf u tikkumbatti lill-Covid-19 mingħajr ma jkun hemm effetti esterni serji.

Jekk dawn l-isforzi hux se jwasslu biex jinħoloq vaċċin li jkun kapaċi jipproteġi lil biljuni ta’ persuni u jtemm il-pandemija globali li ħadet il-ħajja ta’ iktar minn 600,000 persuna għadu mhux magħruf. Dan jeħtieġ ħafna iktar studju biex ikun aċċertat li t-tilqima tkun waħda sigura u ma tiżviluppax infezzjonijiet jew mard ieħor serju.

Il-vaċċin żviluppat mill-kumpanija Britannika AstraZeneca flimkien mal-Università ta’ Oxford irnexxiela tiskatta rispons immunitarju fuq il-parteċipanti kollha li rċevew żewġ dożi, dan mingħajr effetti esterni serji. 

Imbagħad il-vaċċin żviluppat mill-kumpanija CaSinoBiologics Inc u l-militar Ċiniż urew ukoll sinjali pożittivi hekk kif dawn skattaw rispons immunitarju fuq il-maġġoranza tal-508 volontieri li pparteċipaw f’dan il-programm. Dawn irreaġixxew pożittiv wara li rċevew doża waħda. 

Madwar 77% tal-volontiera li ħadu sehem esperjenzaw effetti esterni bħal deni jew uġigħ ż-żona fejn saret l-injezzjoni, iżda l-ebda effetti minn dawn mhuma kkunsidrati bħala serji. 

Share With: