Salvu Mallia: “Għalija il-11, jew imbeċilli biċ-ċertifikat jew mixtrijin” ; Ikompli joħroġ fil-beraħ il-ġlied intern fil-PN

Il-ġlied intern li ħakem lill-Partit Nazzjonalista wara li l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ġie sfiduċjat f’vot sigriet, qed ikompli joħroġ fid-deher.

Kienu bosta dawk l-eks deputati u persuni qrib il-PN li daru għall-midja soċjali biex jattakkaw, u jagħmlu pressjoni lil Delia biex iwarrab mit-tmexxija, xi ħaġa li Delia saħaq li m’għandu l-ebda intenzjoni li jagħmel.

L-eks-kandidat għall-elezzjoni ġenerali tal-2017, Salvu Mallia, ingħaqad mal-kamp ta’ kontra Delia, b’pubblikament jgħajjar lill-11-il deputat li fil-vot sigriet taw l-appoġġ tagħhom lill-Kap Nazzjonalista.

“Għalija il-11, jew imbeċilli biċ-ċertifikat jew mixtrijin,” tenna Mallia fuq il-midja soċjali f’wieħed minn bosta messaġġi li qed itella’ b’mod regolari fuq il-profil tiegħu.

Intant il-kamp ta’ favur Delia qed iżid il-pressjoni fuq il-kumitat eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista biex f’laqgħa li mistennija li tiżvolġi għada jitkeċċew id-19-il deputat li sfiduċjaw lil Delia.

Fl-istess waqt, id-Deputat Chris Said, li ressaq il-mozzjoni ta’ sfiduċja kontra Delia, insista li l-grupp ta’ 19-il deputat li saħqu li m’għandhomx fiduċja fil-Kap m’għandhom l-ebda intenzjoni li jaqsmu jew ikissru lill-partit.

Il-laqgħa ta’ għada jaf ikollha riperkussjonijiet kbar għall-PN. Dan hekk kif jekk id-19-il deputat li sfiduċjaw lil Delia jitkeċċew, allura l-PN jispiċċa bi 11-il deputat minn total ta’ 67 deputat parlamentari. Dan effettivament ikun l-iżgħar rappreżentanza tal-PN fil-Parlament mill-1947.

Share With: