Sant jifhem li l-lukandi qed jiffaċċjaw il-problemi… iżda ma jħossx li l-parties tal-massa huma l-idea t-tajba

Minn MELVIN FARRUGIA

L-ewroparlamentari Laburista Alfred Sant qal li filwaqt li jifhem li hemm problemi enormi li jridu jiffaċċjaw dawk li jmexxu l-lukandi, min-naħa l-oħra ma jħossx li l-parties “tal-massa” huma idea tajba. 

F’post fuq il-midja soċjali, Sant qal li hu jemmen li dawn il-problemi tal-lukandiera mhux se jissolvew fi żmien qasir. Staqsa minn fejn se jġibu l-finanzi dawn is-sidien, minkejja li l-istabbilimenti tagħhom huma vojta jew kważi. Għalhekk qal li f’dawn iċ-ċirkostanzi jifhem li kull inizjattiva li tista’ tressaq xi ftit tad-dħul lejn l-istabbiliment ma tistax tiġi mwarrba. 

Madankollu, l-ewroparlamentari qal li ma jarax li l-parties “tal-massa” huma idea tajba. Jgħid li hemm is-sogru li jingħata isem ħażin lil dik il-lukanda u anke lit-turiżmu f’Malta. 

Fl-istess waqt jgħid li anke ċerti baned telqu jsegwu din it-triq u qed jorganizzaw dawn il-parties fit-toroq. Anke f’dan il-każ jemmen li mhumiex qegħdin jagħmlu tajjeb. 

Share With: