Scicluna jakkuża lill-Oppożizzjoni li trid tħammeġ lil Malta

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna akkuża lill-Oppożizzjoni li anke f’mument kritika tibqa’ tagħmel minn kollox biex tħammeġ lil Malta.

Huwa iddikjara dan fil-Parlament waqt li kien qed jiġi diskuss l-abbozz ta’ liġi li jittratta garanziji lill-Bank Ewropew.

Il-kundanna tiegħu lejn l-Oppożizzjoni saret wara li ż-żewġ kelliema ewlenin tagħha dwar il-finanzi, Mario de Marco u Kristy Debono, ikkritikaw lill-Gvern dwar il-kontroversji li nqalgħu u wissew li pajjiżna jista’ jispiċċa l-ewwel pajjiż Ewropew fil-lista’ ta’ pajjiżi ‘grey listed’.

Dawn il-kummenti xejn ma niżlu tajjeb mal-Ministru tal-Finanzi li fi tmiem id-diskors tiegħu akkuża lill-Oppożizzjoni b’nuqqas ta’ kredibilità u sostna li għalhekk il-poplu mhux iħossu jappartjeni għall-PN.

Scicluna saħaq li mhux veru li l-PN jiddisjaċih mir-reputazzjoni ta’ Malta għax kieku ma jmurx barra u jipprova jgħarraqha.

Huwa akkuża wkoll liż-żewġ ewroparlamentari Nazzjonalisti, David Casa u Roberta Metsola, li f’riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ħasil ta’ flus li ma kienet issemmi ebda pajjiż daħħlu paragrafu li fih semmew lil Malta.

Scicluna qal li meta pajjiżna jinsab fi żmien kritiku komplew iperrċu lil Malta u jippruvaw iħammġuha fuq livell internazzjonali.

Huwa irrefera għall-inkjesta-Egrant fejn fakkar kif ġew falsifikati l-firem, għall-kwistjoni tal-Pilatus Bank fejn qal li l-Istati Uniti waqqgħet il-każ fuqu u għall-IIP fejn sostna li l-PN attakka dan il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment għax għamlu l-Gvern meta nofs il-pajjiżi tal-UE għandhom programm bħalu jew simili.

Il-Ministru tal-Finanzi iddeskriva bħala “dmugħ tal-kukkudrilli” id-dikjarazzjonijiet tal-Oppożizzjoni kemm jiddispjaċihom dwar ir-reputazzjoni ta’ Malta u akkużaha b’”faċċoliżmu”.

Share With: