“Se ngħaddu mit-test tal-Moneyval b’suċċess ukoll” – Il-PM Robert Abela

Il-Prim Ministru Robert Abela beda d-diskors tiegħu waqt il-plenarja tal-Konferenza Ġenerali Straordinarja. 

Abela qal li dan hu żmien li fih “stajna qadna komdi u niċċelebraw iżda għażilna li nkomplu niġġeddu għal għada aktar b’saħħtu”.

Abela qal li l-istorja tal-Partit turi li deċiżjonijiet ibsin ħallew il-frott u li biex wieħed jifhem il-kuntest tal-bidliet wieħed irid jara dawn l-istess bidliet li jħallu l-partit wieħed ta’ skrutinju. Qal li l-Partit irid jibqa’ l-katalista tal-ideat biex ikun hemm dak il-post fejn dawk li jappartjenu fih jersqu bl-ideat tagħhom.

Tkellem dwar partit ħaj li jibqa’ ħaj tul il-ħames snin ta’ leġiżlatura u mhux perjodu qabel l-elezzjoni ġenerali.

Tkellem dwar l-importanza taż-żgħażagħ u l-parteċipazzjoni tan-nisa. Qal li jixtieq li llum qabel għada din il-parteċipazzjoni tiżdied, xi ħaġa li s’issa l-partit falla milli jirnexxi fiha.

Rigward il-Covid-19 kien imbassar li pajjiżna jieħu daqqa ta’ mwiet u infezzjonijiet, iżda pajjiżna ma ħalliex il-biża’ tikkundizzjona d-deċiżjonijiet it-tajba. Qal li dan il-gvern seta’ ħalla lin-negozji jirkupraw bil-mod, iżda dan il-gvern għażel li jaħdem bil-kontra. Il-gvern kien hemm fl-eqqel tal-pandemija u baqa’ hemm meta s-sitwazzjoni qalbet għall-aħjar bi pjan ta’ riġenerazzjoni li żamm il-bastiment tal-pajjiż miexi fid-direzzjoni t-tajba.

Abela qal li huwa kburi għall-mod ta’ kif l-għaqda nazzjonali ddistingwietna f’dan il-perjodu li ħasad lil ħafna pajjiżi. Żied isemmi ċ-ċertifikat ta’ eċċellenza tal-Kummissjoni Venezja anke jekk kien hemm min ħaseb mod ieħor. Tkellem dwar il-Moneyval u dawk li qed jippruvaw ifixklu. Qal li bl-istess mod li pajjiżna għadda t-test tal-pandemija u tar-rapport tal-Kummissjoni Venezja, bl-istess mod pajjiżna se jkun qed jgħaddi minn dan it-test b’suċċess. Abela qal li jum wara l-ieħor pajjiżna qiegħed ikompli jikseb riżultati pożittivi.

Abela qal li bħalma kien qiegħed jieħu d-deċiżjonijiet ibsin fl-aħħar xhur, huwa se jkun qiegħed jiddefendi lit-tim kollu li tant qiegħed jaħdem biex ikompli jkattar it-tajjeb ta’ dan il-pajjiż.

Huwa qabbel l-oppożizzjoni li hu mmexxi mill-għira lejn il-klassi tan-negozju u ieħor li jridhom tilgħin ’il fuq. Qal li l-Partit Laburista huwa l-partit tal-ġid.

Share With: