Se tinfetaħ l-ewwel triq tas-Central Link Project sal-aħħar ta’ Settembru

Miktub minn MARIA AZZOPARDI, Ritratti: ALAN SALIBA

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg, akkumpanjat mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, ħabbru li sal-aħħar ta’ Settembru Infrastructure Malta se tkun qed tinfetaħ l-ewwel triq ġdida ta’ Central Link Project, karreġġjata b’żewġ korsiji minn Ħal Balzan għall-Inħawi ta’ Wied Inċita f’Ħ’Attard.

Dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ €55 miljun li se jġib numru ta’ inċentivi fosthom inqas ħin fl-ivvjaġġar u kwalità tal-arja aħjar. Il-Ministru Borg qal li dan il-proġett ilu maħsub għexieren ta’ snin u inqasam f’diversi fażijiet. Huwa qal li fi żmien seba’ xhur issa wasalna għar-riżultat ta’ issa fejn il-kuntratturi bdew jiksu bl-asfalt partijiet mill-ewwel triq ġdida tal-proġett.

Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi fakkar kif dan il-proġett qed isir ukoll permezz b’konfinazjament ta’ fondi Ewropej u sostna li dan huwa riżultat tajjeb b’mod speċjali meta wieħed jiftakar li pajjiżna għadu kif kiseb €2.2 biljun f’fondi għas-seba’ snin li ġejjin. Zrinzo Azzopardi spjega wkoll li dan il-proġett qed isir b’impenn ambjentali tant li dan il-proġett se jnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar bin-nofs billi jinbndew mill-ġdid 13-il junction, jitneħħew erba’ sistemi ta’ traffic lights u se jiżdiedu aktar minn seba’ kilometri f’korsiji ġodda tul din ir-rotta ta’ 4.3 kilometri.

Apparti minn hekk dan il-proġett se jintroduċi numru ta’ faċilitajiet għall-mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi, fosthom aktar minn 10 kilometri f’passaġġi siguri għall-mixi, faċilitajiet maqtugħin mit-triq biex taqsam minn naħa għall-oħra u l-itwal korsija għar-roti mifruda mit-triq li se jkun hawn fil-pajjiż li se tgħaqqad l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ’ Attard u Ta’ Qali.

Iż-żewġ korsiji ġodda lejn il-punent (mill-Imrieħel lejn Ta’ Qali) li Infrastructure Malta se tiftaħ f’Settembru jibdew mill-junction ta’ bejn Triq l-Imdina u Vjal De Paule (l-inħawi tal-Ġonna ta’ San Anton) u jaqbżu l-qalba ta’ Ħ’Attard qabel ma jerġgħu jingħaqdu ma’ Triq l-Imdina fl-inħawi ta’ Wied Inċita (ħdejn l-Isptar Monte Carmeli). 

Biex jiffurmaw din il-parti tat-triq, il-ħaddiema skavaw 50,000 tunnellata ta’ materjal. Bnew 2.8 kilometri ta’ ħitan fil-ġnub tat-triq u użaw 32 tunnellata ta’ materjal biex bnew il-pedamenti tagħha. Taħt il-wiċċ tat-triq ġdida, Infrastructure Malta għaddiet 10 kilometri ta’ sistemi ġodda għas-servizzi taħt l-art, li jinkludu pajpijiet għall-ilma, katusi tad-drenaġġ, fost oħrajn.

Share With: