Skema ġdida b’investiment ta’ €90,000 għal xogħol ta’ restawr u konservazzjoni fi knejjes

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera nieda skema b’investiment ta’ €90,000 għal xogħolijiet ta’ restawr u konservazzjoni fi knejjes. L-iskema għandha l-għan li tipprovdi appoġġ finanzjarju sabiex jitwettaq xogħol ta’ restawr u konservazzjoni fuq artali, aperturi, dekorazzjoni arkitettonika, induratura u affreski tal-knejjes parrokkjali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta u d-Djoċesi ta’ Għawdex.

Il-Ministru Herrera qal li l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali qiegħed juri impenn sħiħ sabiex jgħin fil-preservazzjoni u r-restawr tal-knejjes tagħna. Huwa sostna li, “l-knejjes ta’ pajjiżna huma parti integrali u essenzjali tal-wirt tagħna. Għaldaqstant, qed naħdmu sabiex ninvestu kemm nistgħu sabiex nippreservawhom għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.” Il-Ministru Herrera saħaq li dan il-fond jikkumplimenta numru ta’ xogħolijiet li sar mid-Direttorat tar-Restawr fuq diversi siti, fejn propju ftit tal-ġranet ilu tlestiet medda ta’ 850m ta’ restawr fis-swar tal-proġett tal-MICAS, kif ukoll ġie varat programm ta’ restawr b’valur ta’ €7.6 miljun ewro fil-Kottonera.

Iċ-ċermen tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall qal li, permezz ta’ din l-iskema, il-Kunsill Malti għall-Arti għall-ewwel darba qiegħed jikkollabora mad-Direttorat tar-Restawr sabiex jiġu amministrati dawn il-fondi, li huma intiżi sabiex ikompli jissaħħaħ il-wirt kulturali ta’ pajjiżna.

Id-Direttur tar-Restawr il-Perit Norbert Gatt spjega li din l-iskema tista’ tkopri sa 100% jew massimu ta’ €15,000 tal-ispejjeż totali tal-proġetti.

Għal aktar informazzjoni, wieħed għandu jidħol fis-sit tal-Kunsill Malti għall-Arti www.artscouncilmalta.org. L-applikazzjonijiet huma miftuħa sa 12pm, is-16 ta’ Settembru 2020.

Share With: