Soluzzjonijiet għall-Pagamenti tan-Negozji mill-BOV

Tul dawn l-aħħar snin, ix-xenarju tal-pagamenti għadda minn bidliet sinifikanti, kemm permezz tal-innovazzjoni fit-teknoloġija  kif ukoll b’aspettattivi dejjem akbar għal metodi ta’ pagament aktar faċli, effiċjenti u konvenjenti fuq skala lokali kif ukoll globali.

Il-Bank of Valletta, wara li ta widen għall-ħtiġijiet tan-negozji lokali, nieda struttura ta’ tariffi imraħħsa għall-dawk il-kumpaniji li jagħżlu strateġija aktar effiċjenti ta’ pagament diġitali.

Il-pagamenti diġitali tal-Bank of Valletta huma disponibbli għan-negozji, irrispettivament mid-daqs tal-operat tagħhom, li jixtiequ jimxu minn ħlas bi flus kontati jew ċekkijiet għal pagamenti diġitali aktar effiċjenti u veloċi. Il-firxa ta’ metodi tinkludi pagamenti bejn kumpaniji u terzi persuni, ħlas ta’ salarji kif ukoll pagamenti mingħand klijenti.

Permezz tal-BOV Batch-Payments, il-pagamenti tal-fornituri kif ukoll is-salarji jiġu magħquda f’fajl wieħed mill-kumpanija li tkun qed tħallas u jittellgħu bħala fajl uniku fuq il-BOV Internet Banking. Il-pagamenti li jsiru bejn partijiet li għandhom il-kont mal-BOV iseħħu immedjatament, filwaqt li pagamenti lill-benefiċjarji li l-kont tagħhom qiegħed ma’ banek oħra jsiru fi żmien 24 siegħa. Is-sistema ta’ pagamenti diġitali hija sigura u trasparenti; tnaqqas il-ħela ta’ ħin; żbalji minn interventi manwali, ħtieġa ta’ spazju, filing, rikonċiljazzjoni tal-kontijiet u ħafna xogħol manwali ieħor. Il-pagamenti jitwettqu mill-uffiċċju, b’mod aktar ekonomiku mgħaġġel, b’aċċess u kontroll faċli ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji.

“Il-metodu ta’  kif in-negozji jipproċessaw il-pagamenti huwa importanti ħafna,” iddikjara Franco Xuereb, Eżekuttiv tal-Electronic Banking fi ħdan il-Bank of Valletta. “Metodi veloċi u ta’ min joqgħod fuqhom huma essenzjali biex tkun żgurata kemm il-likwidità fin-negozju kif ukoll it-tnaqqis fl-isfidi tal-ġbir tal-pagamenti. Il-vantaġġi tal-użu ta’ Batch-Payments huma kbar, il-proċess huwa ferm aktar mgħaġġel u jippermetti inqas lok għal żbalji u diżgwid bejn l-istess fornituri. Jiġu ffrankati spejjeż addizzjonali bħal tariffi fuq l-użu ta’ ċekkijiet u spejjeż oħra assoċjati ma’ ħlasijiet biċ-ċekk jew flus kontanti bħal perjodi itwal ta’ stennija għal pagament, riskji ta’ sigurtà u interventi manwali. Dan kollu jipprovdi vantaġġ għall-kumpaniji li jadottaw soluzzjonijiet ta’ e-commerce u pagamenti diġitali. “

“Il-COVID-19 wriet biċ-ċar il-ħtieġa għan-negozji biex itejbu l-mudell ta’ negozju tagħhom għal wieħed aktar diġitali. Fil-Bank of Valletta s-soluzzjonijiet ta’ ħlasijiet veloċi, siguri u aktar faċli qed jiġu offruti b’tariffi imnaqqsa ħafna sabiex iħeġġu lin-negozji jagħmlu din il-qabża. L-unika deċiżjoni li jkun fadal hi li wieħed jagħżel l-aħjar metodu diġitali għal-kumpanija,” temm jgħid Xuereb.

Il-Bank of Valletta għandu wkoll forom oħra ta’ pagamenti bħal EPOSes mingħajr kuntatt, internet banking, mobile banking u pagamenti minn mobile għall-mobile.

In-negozji li qed jimmiraw għal strateġija ta’ ħlas diġitali jistgħu jagħmlu kuntatt ma’ speċjalisti tal-BOV Payments fuq paymentsbusiness@bov.com jew iċemplu fuq 2131 2020. In-negozji jistgħu japplikaw ukoll permezz ta’ din il-formola online li tinstab fuq https://www.bov.com/content/salaries-and-batch-payments-main. Aktar informazzjoni tinstab fuq https://www.bov.com/Business.

Share With: