Standards li jħeġġu vittmi ta’ vjolenza domestika biex jitolbu l-għajnuna

Miktub minn MELVIN FARRUGIA

Permezz tal-istandards dwar is-servizzi għal vittmi ta’ vjolenza domestika, li bħalissa jinsabu fil-fażi ta’ konsultazzjoni pubblika, l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali trid toffri servizzi li mhux biss jindirizzaw dawk il-każi li diġà ġew irrapportati, talli trid anke tagħmel kuraġġ biex aktar persuni li jkunu għaddejjin minn sitwazzjonijiet simili jkunu lesti jitkellmu u jitolbu l-għajnuna. 

Dwar dan tkellimna mal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità, Matthew Vella li rrikonoxxa li l-problema ta’ vjolenza domestika għandha ċerta dimensjoni, li f’ċerti mumenti anke żdiedet. Barra hekk, spjegalna kif l-istatistika tirrapporta biss dawk il-każi li jkunu ġew irrapportati u għalhekk qal li s-servizzi li jiġu offruti jridu jkunu jserrħu ras in-nies ħalli jersqu ‘l quddiem anke vittmi li jkunu għadhom ma rrapportawx.  

Vella qal li biex dan iseħħ, l-istandards iridu jkunu tajbin tant, li jagħmlu kuraġġ lil min ikun għaddej minn sitwazzjonijiet simili biex jagħmel kuraġġ u jkun lest li jiffaċċja s-sitwazzjoni. Qal li dan ikun possibbli jekk ikun hemm standards li josservaw il-prinċipji tas-sigurtà u tal-ugwaljanza, flimkien ukoll ma’ prinċipji fejn il-persuna tħossha li se tiġi mgħejjuna u li mhix se terġa’ tbati. Fuq kollox jgħid li jridu jkunu standards li jassiguraw servizzi tal-ogħla kwalità. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità jgħid li dawn l-istandards iridu jħallu impatt fuq il-ħajja tan-nies u ma jispiċċawx f’xi kexxun bla użu. Għalhekk jistqarr li mill-bidu nett ġew involuti l-istakeholders kollha u anke issa waqt il-konsultazzjoni pubblika qed jinkoraġġixxu lin-nies li forsi għaddew minn esperjenzi simili biex jitkellmu magħhom ħalli mir-rispons tagħhom ikomplu jibnu fuq dawn l-istandards li jridu jġibu titjib fil-ħajja ta’ dawk li għaddejjin mill-problema ta’ vjolenza domestika. 

Servizzi tal-ogħla kwalità f’mument daqstant diffiċli

Rigward l-istandards, Vella qal li l-awtorità ħasset il-ħtieġa li anke fis-servizzi li għandhom x’jaqsmu mal-vjolenza domestika, fejn il-vittmi u anke wliedhom, jgħaddu minn sitwazzjoni diffiċli ħafna, irid ikun żgurat li  hemm servizzi tal-ogħla kwalità.

Spjega li se jiġu ppubblikati żewġ settijiet ta’ standards, fejn wieħed jiffoka fuq servizzi bbażati fil-komunità u ieħor għal servizzi bbażati fi djar residenzjali. Vella qal li trid issir distinzjoni ċara li hemm numru ta’ djar residenzjali, li huma x-xelters li jipprovdu l-ewwel art fejn tmur persuna li tkun għaddejja minn problema. Min-naħa l-oħra, qal li hemm ix-xelters għat-tieni stadju, fejn il-problema tkun bdiet tissetilja u l-persuna tingħatalha l-għajnuna biex terġa’ tikseb l-indipendenza, l-awtonomija, filwaqt li terġa’ tibda tgħix ħajja normali flimkien anke mat-tfal tagħha. 

Rigward is-servizzi fil-komunità, Vella qal li dawn huma servizzi bbażati f’uffiċini, iżda fejn hemm ħaddiema soċjali u professjonisti oħra li jiltaqgħu mal-vittmi biex jagħtuhom l-appoġġ tagħhom. Qal li dawn jgħinuhom kemm jekk il-vitttmi għadhom jgħixu fil-post fejn hemm il-problema u anke wara li tgħaddi l-problema. 

It-tfassil tal-istandards

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità jispjega kif fil-qalba u fl-ispirtu ta’ dawn l-istandards hemm l-aqwa interess ta’ dawk l-individwi li jesperjenzaw il-problema tal-vjolenza domestika, filwaqt li fil-moħħ hemm il-prinċipji tas-sigurtà, tal-governanza, tas-simplifikazzjoni tal-proċess, tal-kwalità u dak li jwassal biex jintleħaq il-potenzjal ta’ dawn in-nies.

Vella jispjega li meta ġew biex ifasslu dawn il-linji gwida, li bħas-soltu għandhom magħhom ukoll avviż legali u verżjoni aktar sempliċi biex tinftiehem min-nies, inħasset il-ħtieġa li jinvolvu mill-bidu lil min jipprovdi s-servizz u anke lil min jieħu s-servizz. Semma kif anke qabel ma’ wasal il-proċess tal-konsultazzjoni, kien involut l-uffiċċju tal-Kummissarju kontra l-Vjolenza Domestika, il-fornituri tas-servizzi, il-Ministeru għall-Ġustizzja, u s-Segretarju Parlamentari responsabbli minn dan is-settur. Barra hekk, qal li saret konsultazzjoni sħiħa mal-Ministru għall-Familja. 

Ikomplu jispjega li l-iskop kien li jirrealizzaw kemm f’dan is-settur hemm stakeholders ewlenin li qed jagħmlu biċċa xogħol kbir, fosthom anke l-Pulizija. Min-naħa l-oħra, jgħid li bħal f’setturi oħra, ma nistgħu nibqgħu nħarsu lejh bħala xi art jew territorju ta’ xi ħadd, u minflok għandha naħdmu flimkien u nkunu katina, biex meta dik il-persuna jew uliedha jiġu f’dik is-sitwazzjoni, kulħadd ikun imħarreġ, ikun jaf x’għandu jagħmel u għal min jirreferi, biex vera jkun offrut l-aħjar appoġġ f’dan il-mument tant diffiċli. 

Vella rrikonoxxa li amministrazzjonijiet differenti matul iż-żmien taw impetus lil dan is-suġġett, kemm permezz ta’ kampanji ta’ għarfien u anke b’servizzi differenti. Sostna li l-Gvern preżenti, anke permezz tal-Ministeru għall-Ġustizzja, ħoloq servizzi ġodda, fosthom anke tal-Legal Aid u tal-linja telefonika ddedikata għal dan l-aspett, flimkien ma’ servizzi oħra, biex flimkien ma’ kampanji b’saħħithom nitkellmu dwar il-fatt li kull forma ta’ vjolenza hi ħażina. Għalhekk qal li l-awtorità trid timxi b’dan l-ispirtu u ħasset li s-servizzi tal-vjolenza domestika għandhom jiġu regolati b’għaqal, mingħajr ma tiżdied l-burokrazija u billi jiżdied il-livell ta’ trasparenza u kontabbiltà. 

Barra hekk, Vella qal li l-istandards qed jagħtu viżjoni ċara ta’ fejn irridu naslu u kif irridu naslu. Sostna li hu faċli li tgħid li trid servizzi ta’ kwalità, iżda qal li issa hemm anke linji gwida li ġew imfasslin mal-istakeholders kollha u qed jibagħtu messaġġ ċar ta’ kif se nilħqu din il-viżjoni, x’inhu r-rwol tal-professjonisti u ta’ individwi differenti. Iżda, fuq kollox, jgħid li l-importanti hu li kulħadd jaħdem flimkien. Isemmi kif il-linji gwida jagħtu direzzjoni ċara, filwaqt li jispjegaw kif għandhom jittieħdu d-deċiżjonijiet, x’involviment għandu jkollu min għaddej minn dawn il-mumenti diffiċli, x’importanza fiha li nsaħħu lil dawn in-nies u anke li nagħtuhom l-appoġġ f’dawn il-mumenti u anke d-dritt tal-għażla. 

Il-prinċipji fuq xiex mibnija l-istandards

Rigward il-prinċipji li huma mibnijin fuqhom l-istandards, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità semma fost l-oħrajn id-dinjità. Qal li l-istandards jieħdu l-ispirtu ta’ diversi konvenzjonijiet differenti, jaraw fejn dawn iwassluna u anke x’qed naspiraw li nilħqa aħna bħala pajjiż. 

Semma wkoll il-privatezza, fejn jiġi apprezzat li dawn in-nies ikunu f’sitwazzjoni delikata u l-professjonisti u min jaħdem magħhom irid iżomm dawn il-prinċipji għoljin.

Ma’ dawn semma wkoll id-dritt tal-għażla, fejn min jirċievi s-servizz għandu dritt jagħżel ċerti affarijiet u allura l-awtorità trid tassigura li jkun hemm l-għażla u li din tiġi salvagwardjata, billi jkun hemm ir-riżorsi meħtieġa. 

Ma’ dawn semma wkoll is-sigurtà, fejn qal li din hi kruċjali għax dak li jkun irid iħossu sigur f’dak il-mument hekk diffiċli fejn saħansitra jasal li jitlaq minn daru. Qal li dawn il-persuni jrid ikollhom rashom mistrieħa li l-awtoritajiet ikkonċernati vera se jgħinuhom. 

Barra hekk, Vella qal li ġew inklużi wkoll prinċipji oħra rigward it-twettiq tal-potenzjal. Spjega kif filwaqt li dawn il-persuni vulnerabbli jkunu għaddejjin minn mument sensittiv u allura l-professjonisti jridu jimxu magħhom pass pass, jgħinuhom u anke jagħtuhom l-appoġġ, min-naħa l-oħra jridu jħarsu lejhom li għandhom dritt jilħqu l-potenzjal tagħhom, li jgħixu ħajja awtonoma u saħansitra jwettqu l-ħolm ta’ ħajjithom. Spjega li hu importanti li ma nħarsux biss lejhom bħala persuni vulnerabbli, iżda nemmnu fl-individwu, ngħinuh jgħaddi mis-sitwazzjoni u nagħtuh is-saħħa biex jerġa’ jgħix ħajja indipendenti b’taħriġ u anke billi nipprovdulu l-ħiliet biex jirrifletti fuq il-potenzjal tiegħu u jikseb mill-ġdid il-kunfidenza fih innifsu. 

Vella jistqarr li dawn l-istandards jinkludu wkoll prinċipji tal-ugwaljanza. Jgħid li bħala pajjiż li ninsabu fil-quċċata fejn jidħlu d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ, allura hu importanti li nipprattikawhom u magħhom anke l-prinċipji tad-diversità. Jistqarr li filwaqt li fuq il-karta jidhru sbieħ ħafna, meta jitwettqu huma bil-wisq aktar b’saħħithom u allura b’dawn l-istandards se jiġu xprunati aktar. Jgħid li fiċ-ċentru ta’ dawn l-istandards qed jitpoġġa l-individwu, li għandu isem u għandu storja.

Seba’ standards tanġibbli

Dwar l-istandards, Matthew Vella qal li dawn jikkonsistu f’seba’ standards tanġibbli, li jibbażaw fuq il-mudell ta’ indikaturi tal-kwalità u indikaturi tal-prestazzjoni. Qal li l-Awtorità se tassigura li dawn jiġu attwati u se tagħti l-linji gwida ta’ kif jistgħu jiġu vera attwati. 

Vella qal li sa mill-ewwel standard jiffoka fuq it-tip ta’ proċedura u intervent effettiv li jrid isir, filwaqt li jirrispetta d-dinjità tal-individwu. Barra hekk, jiżguraw li d-drittijiet jiġu rispettati, li ssir evalwazzjoni ġusta u anke li jkun hemm proċess trasparenti. Barra hekk, jaraw l-aċċessibbiltà għas-servizz u anke s-sigurtà fid-dħul u mill-ħruġ ta’ dawn is-servizzi. 

Semma wkoll li jsir pjan personali għal dak li jkun, li jiġi fformat madwar l-individwu abbażi ta’ dawk li huma d-deċiżjonijiet li jkun ħa, xi jkun jixtieq u x’viżjoni għandu. Jaraw ukoll x’ħolm għandha l-persuna. Min jipprovdi s-servizz, flimkien mal-professjonisti, imbagħad jgħaqqdu dan kollu biex jassiguraw evalwazzjoni ħolistika. 

Fuq kollox, Matthew Vella jemmen ħafna li dan il-pjan għandu jinqasam fuq żewġ binarji; jiġifieri li l-individwu jilħaq l-awtonomija u l-indipendenza tiegħu, filwaqt li jkollu ambjent ta’ żero tolleranza lejn kull tip ta’ vjolenza. Semma kif dan qed jiddiskutuh anke fil-Kunsill tal-Ewropa, li meta jitkellmu dwar vjolenza, għandna nibagħtu messaġġ b’saħħtu li kull forma ta’ vjolenza, issir minn min issir u kontra kull min issir, hi ħażina u bħala soċjetà m’għandniex naċċettawha. Spjega li jekk dan il-prinċipju ma jiġix osservat, allura se tiġi pperikola l-fibra soċjali tas-soċjetà u għalhekk qal li hu importanti li nifhmu l-ispirtu tal-konvenzjonijiet u mhux biss nirratifikawhom. 

Rigward is-saħħa u s-sigurtà, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità qal li dan il-punt ħareġ aktar b’saħħtu f’dawn l-istandards, fejn min jipprovdi s-servizz għandu jiggarantixxi s-saħħa u s-sigurtà ta’ dawk li jagħmel użu minn dan is-servizz. Saħaq li għandu jkun hemm salvagwardja ta’ dik il-familja fil-bżonn b’mod ħolistiku. 

Ma’ dawn, semma wkoll żewġ standards oħra li qal li issa sirna familjari magħhom, jiġifieri dawk tal-immaniġġjar tad-data u tat-tqassim tal-informazzjoni. Barra hekk, semma wkoll l-aspett tal-kwalità, tal-iżvilupp professjonali b’mod kontinwu, ir-reviżjoni tal-politiki u tal-proċeduri u d-drittijiet u l-mod kif titmexxa dar residenzjali. 

Vella semma wkoll standard differenti, li qal li qed jenfasizzaw aktar fuqu. Spjega li dan jinkoraġġixxi l-kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra, filwaqt li jagħti linji gwida lill-fornituri tas-servizzi dwar kif għandhom jagħmlu dan. Sostna li b’dan il-mod nistgħu nkunu aktar tim wieħed, b’viżjoni waħda li rridu naħdmu f’sinerġija flimkien. Qal li wara kollox l-għan hu tkun issalvagwardjata d-dinjità u d-drittijiet tal-persuni li jkunu għaddejjin minn din is-sitwazzjoni.

Għalhekk qal li bħala awtorità bdew mill-bidu jevalwaw jekk għandhiex issir pjattaforma ta’ kollaborazzjoni. Madankollu, stqarr li diversi stakeholders qalulhom li diġà hemm diversi pjattaformi u għalhekk qed jevalwaw li minflok joħolqu pjattaforma ġdid, jużaw dawk li diġà jeżistu u jsaħħuhom. Vella qal li l-awtorità tirrikonoxxi l-ħafna xogħol li diġà sar u għalhekk trid tkompli tagħti l-appoġġ tagħha mingħajr ma toħloq xi mentalità ta’ territorju. 

Finalment, Matthew Vella qal li bħala servizzi attwali bħalissa hemm ħamsa li huma liċenzjati. Semma li tlieta minnhom huma djar residenzjali, filwaqt li tnejn oħra huma servizzi fil-komunità. Qal ukoll li matul is-sena li għaddiet l-awtorità għamlet 12-il ispezzjoni fejn rat il-progress u għamlet djalogu kbir ma’ min jipprovdi s-servizz. Din is-sena, sax-xahar li għadda diġà saru 13-il ispezzjoni. Vella jħoss li f’dan il-qasam hemm koperazzjoni maturità kbira. Jgħid li hemm sens ta’ djalogu, fejn kulħadd għandu l-ambizzjonijiet li jġib il-bidla. Finalment, jgħid li din il-konsultazzjoni se tibqa’ miftuħa sat-3 ta’ Awwissu biex jingħata l-ispazju lil kulħadd. Min irid jista’ jagħmel kuntatt mal-Awtorità fuq regulations@scsa.gov.mt jew inkella bit-telefon fuq 25494345. 

Share With: