Standards ogħla għal vittmi ta’ vjolenza domestika

Tħabbru sett ta’ standards sabiex jibdew jiġu applikati fi djar residenzjali li jilqgħu nisa vittmi ta’ vjolenza domestika. Dawn l-istandards issa se jmorru għall-konsultazzjoni pubblika, fejn il-pubbliku huwa mħeġġeġ jipparteċipa u jagħti s-suġġerimenti tiegħu.

Dan tħabbar il-Ħamis filgħodu mill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon, li qal li dawn l-istandards se jkunu mqassma fuq żewġ kategoriji – dawk residenzjali u l-oħrajn fil-komunità.

Dawn il-linji gwida se jkunu qed jagħtu direzzjoni ta’ x’inhuma dawk l-ogħla standards li rridu jilħqu djar li jilqgħu persuni bi problema ta’ vjolenza domestika.

Il-Ministru Michael Falzon qal li l-għan ewlieni huwa li niffukaw fuq il-provvista tas-servizzi mogħtija fix-shelters, kif issir l-għażla tal-impjegati, u kif dawn is-servizzi huma speċifikament immirati biex jaqdu l-bżonnijiet ta’ dawn il-persuni.

Se jkun qed jingħata wkoll ‘aftercare plan’ sabiex tkun assigurata kontinwità u stabbiltà għal dawn il-persuni vulnerabbli.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza, u l-Governanza Edward Zammit Lewis faħħar din l-inizjattiva li ser tkun miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika mill-aktar wiesgħa. Il-vjolenza domestika hija pjaga soċjali b’għeruq fis-soċjetà tagħna li għandha tiġi miġġielda minn kull aspett.

Il-ministru jittama li dan il-proċess iwassal għal modi ġodda ta’ kif din il-pjaga għandha tiġi indirizzata. Dan l-impenn bejn żewġ ministeri differenti juri r-rieda politika u l-kordinament tal-gvern f’dan ir-rigward. Il-vittmi tal-vjolenza domestika mhumiex fid-djar ta’ kenn biss, iżda l-aktar fi djarhom stess.

Is-Segretarju Parlamenti għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajartenniet li bħalma min ikun vjolenti għandu bżonn l-għajnuna professjonali, daqstant ieħor il-vittmi tal-vjolenza domestika ghandhom jingħataw refuġju u għajnuna professjonali biex ma jkunux esposti għal xi forma ta’ aggressjoni oħra. Kompliet tgħid li l-vjolenza domestika tista’ tolqot lill-persuna ta’ kull faxxa tas-soċjetà. Mill-2010 s’issa nqatlu 16-il mara minħabba l-vjolenza domestika.

Ikkonkludiet billi qalet li bħala gvern se nkomplu bl-impenn tagħna biex nkomplu nassistu lill-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità ta’ Standards Soċjali Matthew Vella stqarr li fil-qalb tal-Istandards Soċjali Regolatorji għal Vjolenza Domestika wieħed isib l-aħjar interess tal-individwi li esperjenzaw vjolenza domestika filwaqt li fil-moħħ hemm il-prinċipji ta’ sigurtà, governanza u simplifikazzjoni tal-proċessi li jwasslu għal servizzi tal-ogħla kwalità. Dawn il-linji gwida ġew żviluppati sabiex jagħtu d-direzzjoni neċessarja biex dawk li jipprovdu s-servizz jieħdu deċiżjonijiet dwar l-għażla ta’ ħaddiema kif ukoll mal-mod ta’ kif għandu jitmexxa s-servizz fil-qasam tal-vjolenza domestika. Dawn l-istandards saru b’konsultazzjoni interministerjali, kif ukoll mal-provdituri tas-servizz u professjonisti f’dan is-settur sabiex jiġi assigurat li l-perspettivi kollha jiġu kkunsidrati. F’dan il-proċess, l-awtorità kkonsultat ukoll mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għal Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u Vjolenza Domestika.

Dan id-dokument jista’ jinkiseb minn fuq www.scsa.gov.mt jew www.meae.gov.mt. Il-pubbliku huwa mistieden jagħti r-reazzjoni fuq il-linji gwida li huma proposti għall-provditur tas-servizz u jagħti aktar suġġerimenti jew kummenti. Dawn jistgħu jintbagħtu b’ittra elettronika fuq regulations.scsa@gov.mt, jew bil-posta fl-indirizz: Regulation and Standards Office, Social Care Standards Authority, 469, Bugeia Institute, St Joseph High Road, Santa Venera, SVR 1012. Il-pubbliku jista’ wkoll iċempel fuq in-numru 2549 4446 għal kull assistenza dwar kif jintbagħtu r-reazzjonijiet.

Share With: