Stefano Pioli jġedded sas-sena 2022

Hekk kif kollox kien lest biex Ralf Rangnick jieħu t-tmexxija tattika u teknika ta’ AC Milan, waslet sajjetta fil-bnazzi għal dan il-club meta l-istess coach Ġermaniż qal li għadu mhux iż-żmien biex imur jaħdem fil-belt ta’ Milan. Barra minn hekk, Rangnick sostna li mhux qed jara sinerġija fil-ftehim bejnu u bejn il-kap eżekuttiv Ivan Gazidis.

Kien għalhekk li r-Rossoneri wettqu ‘Pjan B’ fejn iddeċidew li jġeddu l-kuntratt tal-coach attwali tagħhom Stefano Pioli sas-sena 2022.

Fil-kummenti tiegħu, Pioli qal li jinsab kuntent u kburi li l-club li ilu jmexxi għal dawn l-aħħar xhur tah il-fiduċja kollha meħtieġa u se jkompli jgħin sabiex tinżamm il-konsistenza fit-team b’mod partikolari wara r-rebħa tajba ta’ 2-1 li huma kisbu kontra Sassuolo.

Pioli temm jgħid li kellu mumenti ta’ inċertezza meta beda jisma’ ċerti xnigħat iżda issa li jaf x’se jkun il-futur tiegħu lest li jkompli jaħdem għall-bidu ta’ staġun ieħor ferm aħjar minn dak attwali.

Share With: