Steward Health Care Malta żżid il-ventilators fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għal 25

Filwaqt li Steward Health Care Malta qed tkompli ssegwi l-iżviluppi nazzjonali u globali dwar il-COVID-19, il-kumpanija tas-servizzi tas-saħħa żiedet in-numru ta’ ventilators fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex minn 15 għal 25.

Steward Malta setgħet tikseb dawn il-ventilators ta’ kwalità għolja mingħand General Electric u Philips bis-saħħa tar-riżorsi tal-katina tal-provvista li għandha aċċess għalihom il-kumpanija prinċipali Amerikana tagħha u s-sistema tas-saħħa internazzjonali tagħha. Dawn il-ventilators huma parti minn programm ta’ investiment ta’ €6 miljun li Steward impenjat ruħha għalih fl-2020 biex tilqa’ b’suċċess għall-pandemija tal-COVID-19 fl-isptarijiet ta’ Ghawdex u Karin Grech.

Dr Nadine Delicata, id-Direttur Eżekuttiv u President ta’ Steward Health Care Malta, qalet li filwaqt li qed jitneħħew ir-restrizzjonijiet fil-komunità, l-isptarijiet ta’ Steward, f’konformità mal-linji gwida tal-awtoritajiet tas-saħħa, se jibqgħu għaddejin bl-isforzi tagħhom biex ikunu imħejjija kif jixraq f’każ ta’ żieda fil-każi tal-coronavirus fix-xhur li ġejjin. 

Dr Delicata qalet: “Il-viġilanza tagħna trid tibqa’ għolja issa li, gradwalment, qed nerġgħu nibdew l-attivitajiet normali tal-isptar, billi niżguraw li nibqgħu nittestjaw u nikkuraw b’mod sigur lill-pazjenti kollha għall-COVID-19, fl-interess kemm tal-istaff kif ukoll tal-pazjenti stess.”

Bħala parti minn sistema tal-kura tas-saħħa internazzjonali kbira, b’aktar minn 7,000 sodda, immexxija globalment minn Steward, Steward Malta għandha aċċess għall-aqwa prattici fl-assistenza fejn jidħol l-immaniġġjar f’każ ta’ kriżi, strateġiji ta’ kura, iżolament u teknika ta’ konteniment, u fl-aħjar użu tat-tagħmir tal-protezzjoni personali (PPE).

L-ispejjeż diretti relatati mal-COVID-19 li għamlet Steward Malta jinkludu żieda fil-ħaddiema, provvisti bħal Tagħmir ta’ Protezzjoni Personali (PPEs), u investiment fl-infrastruttura u fl-impjant li jħarsu lill-pazjenti. Fost l-ispejjeż kritiċi li saru, kien hemm il-ksib ta’ tagħmir speċjalizzat bħall-ventilators imsemmija, monitors u magni tal-ossiġnu, żewġ magni speċjalizzati tal-kliewi u l-installazzjoni ta’ riserva ta’ ossiġnu likwidu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Barra minn hekk, Steward Malta investiet fil-modifiki tal-faċilitajiet tagħha f’Għawdex u f’Malta biex takkomoda l-bidliet fid-domandi tal-pazjenti u fil-ħidma ta’ kuljum minħabba l-COVID-19. Dan wassal għal xogħol fi tliet swali fl-Isptar Karin Grech biex jintużaw għal skopijiet ġodda. Tlestiet sala ġdida bi 28 sodda b’sistemi ta’ negative pressure u tibdil ta’ l-arja għall-kura tal-pazjenti li jinstabu pożittivi għall-COVID-19.

Fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, Steward ħasbet għal 145 sodda għall-kura tal-COVID-19, li 25 minnhom kienu sodod għall-kura intensiva, kif ukoll Dipartiment tal-Emerġenza apposta għall-każi tal-COVID-19. F’dawn il-postijiet kollha twaħħlu sistemi ta’ negative pressure biex tkun żgurata s-sigurtà tal-pazjenti u tal-istaff.

“Ħdimna b’mod sistematiku, proattiv u komprensiv biex nibbilanċjaw il-ħtieġa ta’ akkomodazzjoni ta’ pazjenti bil-COVID-19, filwaqt li żammejna l-livell u l-kwalità tal-kura għall-pazjenti kollha li qegħdin fil-kura tagħna,” żiedet Dr Delicata.

Qalet ukoll: “Peress li l-isptarijiet jeħtieġ li jibqgħu jieħdu ħsieb il-pazjenti l-morda li ma jkunux milquta mill-COVID-19, u biex inżommu l-kmamar tal-emerġenza tagħna ħielsa kemm jista’ jkun mill-infezzjoni tal-COVID-19, fl-aħħar xhur attwajna numru ta’ protokolli u bidliet fil-policy tagħna biex inħarsu lill-pazjenti li naqdu u lill-istaff iddedikat tagħna ta’ professjonisti tal-kura tas-saħħa.”

Dr Delicata kompliet li “It-tmexxija fl-Istati Uniti u t-tmexxija internazzjonali tagħna qed ikunu f’kuntatt ta’ kuljum mat-tim tat-tmexxija ta’ Malta, u aħna grati għal din l-opportunità li biha nitgħallmu mill-aqwa prattiċi fl-isptarijiet ta’ Steward. Bis-saħħa ta’ din l-assistenza kif ukoll il-koperazzjoni sħiħa tal-istaff iddedikat tagħna, aċċertajna li ż-żewġ sptarijiet ta’ Ghawdex u Karin Grech ikunu ppreparati kif jixraq fl-iqsar żmien possibbli. Din il-kollaborazzjoni kienet kruċjali għall-ħila kollettiva tagħna li nħarsu s-sigurtà tal-pazjenti kollha f’dan iż-żmien.”

Share With: