Stħarriġ juri li Comodini Cachia tgawdi inqas appoġġ minn Delia fost il-votanti tal-PN

Stħarriġ li sar matul il-ġimgħa li għaddiet u li kien ippubblikat illum juri li l-isem ta’ Therese Comodini Cachia ftit li xejn ħalla impatt fost l-elettorat, partikolarment dawk li normalment jivvotaw lill-Partit Nazzjonalista.

Mill-istħarriġ, li kien ippubblikat minn MaltaToday, joħroġ li l-fiduċja f’Comodini Cachia b’paragun mal-Prim Ministru Robert Abela hija dik ta’ 13.1%, jiġifieri l-istess daqs dik tal-Kap Nazzjonalista attwali Adrian Delia, li kiseb 13.2%.

Aktar sinjifikanti minn hekk Cmodini Cachia lanqas ma ħalliet impatt fost dawk il-votanti li vvotaw lill-Partit Nazzjonalista fl-aħħar elezzjoni ġenerali. Is-survey ta’ MaltaToday juri li saħansitra Comodini Cachia għandha inqas fiduċja minn Delia fost dawn il-votanti, 31% kontra 32.7% rispettivament. Il-ksib ta’ fiduċja vost dan il-grupp ta’ votanti kienet l-akbar problema ta’ Delia mindu ħa t-tmun tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista tliet snin ilu.

L-istħarriġ juri wkoll lill-Partit Laburista jżid id-distakk fil-konfront tal-PN b’i 2% biex issa l-appoġġ tiegħu tela’ għal 47.8%, bil-Partit Nazzjonalista għat-tielet xahar konsekuttiv jirreġistra tnaqqis għall-20.8% attwali. Dan ifisser li skont l-istatistika tal-istħarriġ, kieku jkollha ssir elezzjoni ġenerali issa, id-distakk ta’ bejn il-Partit Nazzjonalista u dak Laburista jkun ta’ madwar 72,000 vot.

Share With: