Stħarriġ MISCO: Il-PL b’vantaġġ ta’ 15% fuq il-PN… 4% aktar mill-elezzjoni tal-2017

Stħarriġ tal-MISCO għall-Aġenzija CD eNEWS imwettaq bejn l-1 u t-2 ta’ Lulju jindika li d-distakk bejn iż-żewġ partiti żdied minn 11% għal 15% mill-elezzjoni tal-2017. Robert Abela għandu vantaġġ ta’ 45% fuq Adrian Delia bħala l-persuna li l-votanti Maltin jaħsbu li għandha tkun il-Prim Ministru ta’ Malta.

Votazzjoni

Kieku kellha ssir elezzjoni għada, 56.5% ddikjaraw li jivvutaw għall-Partit Laburista, filwaqt li 41.5% qalu li jivvutaw għall-Partit Nazzjonalista. Il-partiti ż-żgħar ġabru 2% tal-voti bejniethom. 20% ta’ min irrisponda qalu li mhumiex biħsiebhom jivvutaw. 

Jekk wieħed janalizza dan ir-riżultat skont kif in-nies ivvutaw fl-elezzjonijiet tal-2017, jidher li huma maqsuma b’’mod ugwali bejn iż-żewġ partiti, fatt li jindika b’mod ċar livell ta’ skuntentizza mat-tnejn li huma, iżda fl-istess ħin ma jidher li hemm l-ebda xewqa li l-votanti jiċċaqalqu lejn il-partiti ż-żgħar.

Ir-riżultati tal-istħarriġ juru wkoll li hemm ċaqliq nett ta’ 2% mill-Partit Laburista lejn il-Partit Nazzjonalista. 11% tal-persuni li vvutaw għall-PN fl-2017 u 8% tal-persuni li vvutaw għall-Partit Laburista fl-2017 jiddispjaċihom għal kif ivvutaw fl-aħħar elezzjoni ġenerali. 

Dawn iż-żewġ riżultati jindikaw distakk li qed jikber bejn iż-żewġ partiti ta’ 4 punti perċentwali mill-2017.

Il-Prim Ministru

Għall-mistoqsija min hu l-aktar Prim Ministru adattat għal Malta, 56% semmew lil Robert Abela filwaqt li 11% semmew lil Adrian Delia. 33% ta’ dawk li rrispondew ma tawx preferenza. Id-distakk ta’ Robert Abela fuq Adrian Delia jidher li huwa ogħla mill-medja fost l-irġiel u persuni li għandhom anqas minn 44 sena.

Kwistjonijiet

Dawk li rrispondew intalbu jqisu liema hija l-akar kwistjoni importanti li qed jaffaċċja l-pajjiż. Fil-quċċata tal-lista hemm il-pandemija tal-COVID-19, li ssemmiet minn 36% ta’ dawk li rrispondew. 15% tal-persuni semmew il-korruzzjoni, 12% semmew l-immigrazzjoni u 8% semmew l-ekonomija.

Għalkemm il-pandemija hija l-kwistjoni ewlenija fost is-segmenti demografiċi kollha, din hija aktar evidenti fost in-nisa u fost persuni li għandhom anqas minn 44 sena. 

Għall-persuni ta’ aktar minn 45 sena, il-korruzzjoni u l-immigrazzjoni huma aktar inkwetanti, L-ekonomija tieħu sinifikat akbar għall-persuni li għandhom bejn 35 u 54 sena. 

Il-Partit Laburista jgawdi vantaġġ ta’ 29% fuq il-Partit Nazzjonalista dwar il-mistoqsija – liema partit huwa l-aħjar biex jirrisolvi kwistjonijiet nazzjonali.

Fir-rigward ta’ kwistjonijiet personali ewlenin li jiffaċċjaw dawk li rrispondew, kien hemm firxa mhux ħażin ta’ suġġetti. Fil-quċċata tal-lista jidhru r-restrizzjonijiet tal-pandemija tal-COVID-19, li ssemmiet fi 11% tar-risposti. 8% tar-rispondenti semmew il-qgħad, u 7% semmew problemi finanzjarji. Globalment, 23% ta’ dawk li rrispondew semmew kwistjonijiet ekonomiċi.  

Meta mistoqsija liema partit huwa l-aħjar biex jirrisolvi kwistjonijiet personali, il-Partit Laburista jgawdi vantaġġ ta’ 14% fuq il-Partit Nazzjonalista.

Dwar l-istħarriġ

Dan l-istħarriġ sar fost kampjun każwali ta’ 400 persuna. L-intervisti twettqu bit-telefon minn persuni mħarrġa bejn l-1 u t-2 ta’ Lulju, taħt is-superviżjoni tal-koordinaturi tal-MISCO. Il-persuni ntażlu permezz ta’ metodu każwali ta’ telefonati. Kampjun ta’ 400 ruħ jipprovdi marġini ta’ żball ta’ +/- 5%.

Id-data ġiet ippeżata skont l-età u l-ġeneru. L-ippeżar jintuża biex jiġu aġġustati r-riżultati ta’ studju biex dawn ikunu konformi ma’ data magħrufa dwar il-popolazzjoni.

Share With: