TAXXA FUQ IS-SERVIZZI FINANZJARJI

Reġgħet issemmiet it-taxxa fuq is-servizzi finanzjarji (FTT) bħala waħda li l-Unjoni Ewropea tista’ tiċċarġja bil-għan li b’hekk tottjeni għajn ġdid ta’ dħul ħalli jkollha bhiex tilqa’ għall-ispiża tal-ħidma dejjem tikber li qed tidħol għaliha. Diversi pajjiżi (fosthom nistħajjel Malta) qed jopponu din l-idea, min għal ħaġa, min għal oħra. 

Fl-imgħoddi Malta opponiet dit-taxxa għax taffettwa ħażin is-settur tas-servizzi finanzjarji fostna. Jew inkella kieku kellha tidddaħħal, l-ewwel kien hemm bżonn li tidħol mad-dinja kollha mhux biss fl-Ewropa.

Issa biex inkun ċar, kieku ma jqumx l-argument li t-taxxa tolqot ħażin lil Malta, diffiċli ma tkunx favur il-proposta. Kemm mil-lat ekonomiku, għax jaqbel li t-transazzjonijiet finanzjarji jkunu ntaxxati bħal kull attività oħra. U kemm mil-lat ideoloġiku/soċjali għax ġeneralment l-aqwa użu tas-servizzi finanzjarji jsir minn nies tat-tajjeb. 

Filfatt – u dan mhux xi sigriet – id-delegazzjoni Maltija fil-grupp tas-soċjalisti u d-demokratiċi fil-Parlament Ewropew tinsab iżolata dwar das-suġġett. Bħalissa l-grupp għaddej b’kampanja li xxandar messaġġ dwar kif id-dħul tal-FTT hu fost l-aqwa miri politiċi tal-grupp!

L-ISTORJA

L-istorja tinkiteb skont il-fehma ta’ min ikun “rebaħ”. Dal-verdett hu magħruf sew. Ifisser ukoll li min għax kien l-aktar qawwi, irnexxielu jopprimi u ijassar lil ħaddieħor, spiċċa jgħaddi lil dal-ħaddieħor il-“valuri” tiegħu. Dwar hekk, biżżejjed wieħed jiftakar il-każ tal-Imperu Ruman.

Jista’ jkun li l-ewwel każ ta’ importanza li jista’ jissemma’ fejn l-istorja miruta baqgħet tiġi kontestata b’suċċess jirrigwarda l-imperjaliżmu tal-Punent. Irnexxielu jiddomina l-akbar parti mid-dinja għax kellu vantaġġ teknoloġiku qawwi fuq “ħaddieħor”.

Fl-aħħar żminijiet, il-verità dwar x’ġara u ma ġarax taħt l-imperjaliżmu qed terġa’ tinkiteb. Qed titwemmen minn aktar u aktar nies. U mhux biss dwar il-lanja razzista li nebbħitha. 

BIDLIET KOSTITUZZJONALI

Il-gvern għamel tajjeb li f’deċiżjonijiet dwar ħatriet kostituzzjonali mill-Parlament, insista li fejn ma jintlaħaqx ftehim b’żewġ terzi tal-vot wara żewġ votazzjonijiet, id-deċiżjoni tittieħed b’maġġoranza sempliċi. Mhijiex soluzzjoni ideali imma m’hemmx alternattiva għaliha.

Inkella – m’hemmx dubju meta wieħed iqis iċ-ċirkostanzi polarizzati tal-politika Maltija – malajr is-sitwazzjoni tispiċċa ġġammjata.

L-esperjenza turi li sakemm ma jseħħx qbil ta’ malajr fuq għażla, għid li ż-żewġ naħat fil-Parlament mhumiex se jaqblu. L-idea li għandhom jinżammu negozjati li jwasslu għal soluzzjoni ta’ kompromess hi raġonevoli, imma ma taħdimx fir-realtà.

Imbagħad hemm problema oħra bil-kompromessi akkost ta’ kollox: li jispiċċaw jintgħażlu għall-karigi persuni li ma jkunux adatti, għax sal-mument tal-ħatra ma jkunu dejqu lil ħadd. Jista’ jkun li ġara hekk jew għax kienu medjokri jew lagħqa ta’ kulħadd.

Share With: