Telfa traġika għall-familja Presley

Miktub minn CARMEN CACHIA

Iben Lisa Marie Presley u n-neputi fotokopja ta’ Elvis Presley, Benjamin Keough, miet traġikament wara li sofra ġrieħi gravi bi sparatura f’sidru li kkawża huwa stess. Dan l-att iddisprat tal-ġuvni ħalla lil ommu Lisa Marie mkissra u f’dieqa liema bħala minħabba li hija u binha kienu jingwalawha ħafna u kien il-mimmi ta’ għajnejha.

Il-ġuvni li kellu biss 27 sena huwa iben Lisa Marie, bint il-leġġendarju tar-Rock’n’Roll Elvis Presley u l-mużiċist Danny Keough. Huwa kien fotokopja ta’ nannuh u l-fessud ta’ ommu iżda minkejja l-ħajja lussuża li kien jgħix fiha, huwa kien irrapportat li kellu diffikultajiet kbar minħabba problemi li kien għaddej minnhom.

Keough instab mill-awtoritajiet f’Kalifornja fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet fil-villa tiegħu f’Calabasas. Il-maniġer ta’ Lisa Marie qal li, “ommu hija b’qalba maqsuma u ma tistax tikkonsla ruħha għat-telfa kbira li ġarrbet. Lisa Marie qiegħda tipprova tgħaddi minn dan il-perjodu ikrah biex tkun tista’ tkun hemm għat-tewmin ta’ 11-il sena li għandha, kif ukoll għal bintha l-kbira Riley. Hija kienet tadurah lil binha u kien l-akbar imħabba ta’ ħajjitha”.

Emozzjoni kull meta tarah għax kien jixbah ħafna lil Elvis

Benjamin kien iben Lisa Marie, l-unika bint ta’ Elvis Presley li kellha ma’ Danny Keough. Lisa Marie, li llum il-ġurnata għandha 51 sena, għandha tlett itfal oħra imma Ben kien l-aktar wieħed li jixbah lill-għażiż missierha. “Kulħadd kien jipprova jeħodlu r-ritratti proprju minħabba dan il-fatt. Xi drabi meta kont inħares lejh kont inħoss emozzjoni kbira minħabba li verament kien jixbah lil missieri,” spjegat l-omm.

Il-pulizija rċevew telefonata għall-assistenza fis-6.30 ta’ filgħodu nhar il-Ħadd li għadd fejn fir-rapport jingħad li mal-wasla tagħhom sabu lill-vittma jsofri ġrieħi gravi f’sidru li ġew ikkawżati minn sparatura waħda. Dakinhar tat-traġedja uffiċjali u għadd ta’ pulizija dawru l-villa u daħlu fil-proprjetà biex jagħmlu l-aċċess. Il-ġuvni ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.

Sors qal lill-midja li l-familja ta’ Benjamin ħadet l-aħbar kerha proprju fl-istess għodwa li fiha nstab il-kadavru. Huma qalu li din hija aħbar xokkanti ħafna, “iżda m’aħniex kompletament sorpriżi minħabba li kien għaddej minn żmien diffiċli u kien qiegħed ibati biex jegħleb dawn id-diffikultajiet”.

In-nanna ta’ Benjamin, Priscilla li għandha 75 sena, iżżewġet lil Elvis fl-1967 iżda ħadu d-divorzju sitt snin wara. Huma kellhom wild wieħed biss minn din ir-relazzjoni li kienet Lisa Marie li twieldet sena wara ż-żwieġ.

Elvis miet b’kumplikazzjonijiet f’qalbu fil-proprjetà tiegħu fi Graceland disa’ snin wara fl-età ta’ 42 sena. Lisa Marie u l-ewwel raġel tagħha, Keough, iżżewġu nhar it-3 ta’ Ottubru tal-1988 u ddivorzjaw fis-6 ta’ Mejju, 1994. Il-koppja kellhom żewġt itfal – Benjamin u oħtu Riley, li hija attriċi.

Wara biss 20 jum mis-separazzjoni uffiċjali Lisa Marie żżewġet lil Michael Jackson fejn fl-1996 minħabba li ż-żwieġ tkisser, hija ddeċidiet li titlob id-divorzju. Lisa Marie mbagħad iżżewġet għat-tielet darba, din id-darba ma’ Nicolas Cage fejn damu flimkien għal xahrejn biss.

Fl-2006 hija żżewġet lil Michael Lockwood fejn sentejn wara welldet tewmin – Finley u Harper. Issa hemm xnigħat li din il-koppja jinsabu f’battalja legali ħarxa għall-kustodja tat-tfal wara ddivorzjaw fl-2016.

Xtara libsa ta’ nannuh biex iħossu aktar viċin tiegħu…

Jingħad li fl-2009 Benjamin, li dejjem kien jevita li jiġbed l-attenzjoni tal-midja fuqu, kien iffirma kuntratt ta’ $5 miljun mal-kumpanija ġganteska, Universal. F’intervista li saritlu f’dan il-perjodu huwa kien ġie kkwotat jgħid li, “il-mużika assolutament mhux se tkun ta’ l-istess livell ta’ nannuh Elvis”. 

Fl-2015 Benjamin kien tella’ ritratt fuq il-midja soċjali ta’ libsa ta’ Elvis li kien xtara mingħand kollezjonist privat. Huwa kiteb li, “xtrajt din il-libsa li kien libes in-nannu tiegħi fl-1974 u b’dan il-mod qiegħed inħossni aktar viċin tiegħu”.

Lisa Marie u Benjamin kienu jinħabbu ħafna tant fl-2009 l-omm u l-iben anke waslu biex għamlu l-istess tatoos. Fl-2012 hija kitbet il-kanzunetta “Storm and Grace” li fiha tirrakkonta l-esperjenza tagħha ma’ binha Benjamin.

F’Ġunju tas-sena l-oħra Lisa Marie stqarret li għandha diffikultajiet biex tikkontrolla abbuż ta’ pilloli ta’ kontra l-uġigħ. Hija tkellmet pubblikament dwar il-perikli li hemm meta persuna tabbuża minn mediċini bħal dawn u spjegat kif hija spiċċat dipendenti fuqhom wara li l-istess tip ta’ pilloli ngħatawlha biex tikkontrolla l-uġigħ wara t-twelid tat-tewmin lura fl-2008.

Share With: