Tfal jieħdu l-kontroll ta’ Earth Speakr, xogħol artistiku interattiv maħluq minn Olafur Eliasson

Earth Speakr hu xogħol artistiku interattiv ġdid mill-artist Olafur Eliasson li jamplifika l-fehmiet tat-tfal dwar il-benesseri tal-pjaneta għall-ġejjieni.  Ix-xogħol artistiku jistieden lill-adulti u lil dawk li jieħdu deċiżjonijiet kurrenti, lil dawk li jfasslu l-bidla u lill-mexxejja globali, biex jisimgħu dak li għandhom x’jgħidu t-tfal.  Earth Speakr juża r-realtà awmentata (augmented reality) u jinkludi app b’xejn u websajt interattiva (www.earthspeakr.art) disponibbli fl-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.  Eliasson ħoloq dan ix-xogħol artistiku fl-okkażjoni tal-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (UE) 2020.

Valletta, l-1 ta’ Lulju 2020 – Earth Speakr qiegħed jitnieda llum, u jistieden tfal minn madwar il-kontinent biex flimkien joħolqu xogħol artistiku billi jitkellmu f’isem il-futur tal-pjaneta tagħna.

Bħala inizjattiva tal-artist Daniż-Iżlandiż Olafur Eliasson, Earth Speakr – li jinkludi app, websajt, preżentazzjonijiet fiżiċi, u aktar – hu l-komponent ċentrali tal-programm kulturali fl-okkażjoni tal-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill tal-UE 2020.  Ix-xogħol artistiku hu ffinanzjat mill-Uffiċċju Federali tal-Affarijiet Barranin Ġermaniż u qed jitwettaq b’kooperazzjoni mal-Goethe-Institut.  Earth Speakr hu bla ħlas u jippromwovi l-kollaborazzjoni u r-riflessjoni bejn persuni ta’ kull età madwar l-Ewropa dwar it-tibdil fil-klima u l-futur tal-pjaneta.

It-tfal jitkellmu f’isem il-pjaneta

Matul is-sitt xhur li ġejjin, kulħadd jista’ jniżżel l-app Earth Speakr u janima l-ambjent rispettiv bl-użu ta’ teknoloġija interattiva għall-gost ta’ kulħadd.  Tfal u żgħażagħ li għadhom taħt l-età biex jivvotaw jistgħu jagħżlu li jieħdu sehem billi jagħtu leħen lil kwalunkwé ħaġa – siġra, qoxra ta’ banana, is-sema, jew it-triq – u jitkellmu kemm f’isem l-ambjent lokali ta’ madwarhom u kif ukoll f’isem il-pjaneta.  Il-messaġġi kreattivi tagħhom jintbagħtu fuq www.earthspeakr.art u jkunu esperjenzati fuq l-app permezz ta’ realtà awmentata. 

“Earth Speakr hu xogħol artistiku kollettiv li jistieden lit-tfal biex ikunu artisti.  X’se jiġri minn Earth Speakr se jiddependi fuq l-Earth Speakrs – jiġifieri mill-kreattività u mill-immaġinazzjoni tagħhom.  Ix-xogħol artistiku hu magħmul mill-ħsibijiet u mill-viżjonijiet, mit-tħassib u mit-tamiet tagħhom.  Dak li joħolqu jista’ jagħti gost u jkun inventiv fl-immaġinazzjoni, serju, jew poetiku.  M’hemmx tajjeb jew ħażin, u hu faċli biex kulħadd jieħu sehem.  Earth Speakr jistieden lit-tfal biex jitkellmu kemm minn qalbhom kif ukoll b’moħħhom ħalli jieħdu sehem fit-tiswir tal-futur għad-dinja u tal-pjaneta tagħna, mil-lum,” qal Olafur Eliasson.

“It-tfal huma normalment mistennija li jkunu attenti fl-iskola u jsegwu r-regoli.  Imma issa jmiss lilna, bħala adulti, li nisimgħu x’għandhom x’jgħidu ż-żgħażagħ.  Permezz ta’ Earth Speakr, Olafur Eliasson jagħti lit-tfal opportunità unika biex, b’mod kreattiv u maħsub, joħorġu b’ideat li għandhom il-potenzjal biex fil-futur  jkunu ta’ benefiċċju għall-Ewropej kollha.  Bl-irrekordjar tal-vuċijiet tagħhom, trasmessi fil-qalba tat-tfassil tal-politka (policy-making) Ewropea, Earth Speakr jagħti liż-żgħażagħ propju dan iċ-ċans.  Jaqblilna nisimgħuhom b’attenzjoni għall-ġid tal-futur komuni tagħna lkoll,” qal Heiko Maas, Ministru Federali għall-Affarijiet Barranin tar-Repubblika Federali Ġermaniża.

Biex jinkludu kemm jista’ jkun nies, Eliasson u l-istudjo tiegħu żviluppaw xogħol artistiku, fil-biċċa l-kbira tiegħu diġitali, bl-appoġġ ta’ tim estensiv li jinkludi tfal, riċerkaturi, u speċjalisti oħrajn.  Earth Speakr hu disponibbli fl-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jista’ jkun aċċessat minn madwar id-dinja kollha.  Aktar minn hekk, il-proġett qed jissieħeb ma’ netwerk dejjem jikber ta’ mużewijiet, libreriji u istituzzjonijiet edukattivi, bħall-Goethe-Institut, biex jaqsmu x-xogħol tal-arti kemm onlajn kif ukoll fid-dinja reali, meta u fejn hu possibbli, fi żminijiet ta’ distanzi soċjali.

L-adulti jagħtu widen lejn il-futur

Earth Speakr jamplifika l-messaġġi tat-tfal u jistieden lil adulti u lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet importanti, dawk li jfasslu  r-riformi u lill-mexxejja globali biex jisimgħuhom.  Fuq www.earthspeakr.art, l-adulti jistgħu juru li l-messaġġi tat-tfal qed jinstemgħu billi joħolqu ’l hekk imsejħa “Loud Speakrs”, kollezzjonijiet ta’ messaġġi b’realtà awmentata.  Loud Speakrs jistgħu jitpoġġew kullimkien fuq mappa virtwali – fi pjazez pubbliċi, parks, fuq bini pubbliku – biex jinkoraġġixxu oħrajn ħalli jisimgħu wkoll.  Il-messaġġi ta’ Earth Speakr huma strimjati wkoll fil-Bini Justus Lipsius u fl-Europa Building fi Brussell, fil-Parlament Ewropew fi Brussell u fi Strasburgu, u f’“Lichthof” tal-Uffiċċju Federali tal-Affarijiet Barranin f’Berlin.

“Il-ħajja fid-dinja hi koeżistenza ta’ persuni, annimali, pjanti u ekosistemi.  Irridu nirrikonoxxu din il-koeżistenza u mbagħad nieħdu l-azzjonijiet it-tajbin biex insaħħuha.  Fid-dibattiti tal-lum rigward il-politka dwar il-klima, hu kruċjali li l-ilħna tal-ġenerazzjoni li jmiss jinstemgħu b’mod ċar u b’saħħtu, peress li huma se jkunu qed jgħixu fil-futur li attwalment qed insawru. 

“Ix-xogħol artistiku tiegħi, Earth Speakr, jistieden lit-tfal biex jitkellmu f’isem il-klima, kemm jekk bi tħassib jew b’tama pożittiva.  Bl-applikazzjoni ta’ Earth Speakr, jistgħu jesprimu lilhom infushom permezz ta’ kwalunkwé ħaġa tal-għażla tagħhom fl-ambjenti lokali fejn jgħixu.  Ix-​xogħol artistiku jgħaqqad flimkien dawn l-ilħna u jamplifika dak li għandhom x’jgħidu.  Aħna – l-adulti, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, u l-politiċi – għandna bżonn nisimgħu l-messaġġi kreattivi tat-tfal u neħduhom bis-serjetà”, qal Olafur Eliasson.

Mill-1 ta’ Lulju 2020, il-messaġġi tat-tfal se jidhru fuq il-mappa virtwali ta’ Earth Speakr, u Loud Speakrs jistgħu jintwerew fir-realtà awmentata f’postijiet prominenti madwar l-Unjoni Ewropea.  Biex issir taf aktar u biex tieħu sehem fil-ħolqien ta’ dan ix-xogħol artistiku, niżżel l-applikazzjoni Earth Speakr minn Google Play jew minn App Store, żur il-websajt fuq www.earthspeakr.art, u ngħaqad fid-diskussjoni @earthspeakr fuq il-midja soċjali. 

Lest li tismaʼ l-futur?

Ritratti:

Ara lil Olafur Eliasson jispjega x-xogħol artistiku tiegħu, Earth Speakr, fuq https://www.youtube.com/watch?v=ufuqKULtml0&feature=youtu.be

Ritratti u Vidjows

Għal aktar tagħrif u biex tniżżel stampi jew vidjows għall-istampa u xandir, jekk jogħġbok żur: https://earthspeakr.art/mt/stampa-u-midja/ 

Involvi ruħek

It-tfal jistgħu joħolqu messaġġi għall-Earth Speakr u jistiednu lil sħabhom biex joħolqu messaġġi oħrajn.

L-adulti u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, dawk li jfasslu l-bidliet u l-mexxejja globali, jistgħu jesploraw il-messaġġi Earth Speakr, joħolqu gruppi ta’ messaġġi – hekk imsejħin Loud Speakrs – u jaqsmuhom ma’ oħrajn biex jamplifikaw dawk is-suġġetti li jsibu l-aktar rilevanti.  Eliasson jittama li dawk fil-politika se jkunu ispirati biex, permezz ta’ Earth Speakr, iressqu messaġġi fuq l-imwejjed tad-diskusjonijiet ħalli t-tfal iħossuhom milqugħin u mismugħin.

L-istituzzjonijiet jistgħu jospitaw avvenimenti u jinkoraġġixxu lit-tfal biex jieħdu sehem fihom.  Disponibbli fuq il-websajt hemm toolkits li huma ta’ gwida biex jinħolqu attivitajiet għat-tfal ħalli jesploraw ix-xogħol artistiku u biex iġibu l-Earth Speakr għall-attenzjoni  tiegħek.

Għal aktar tagħrif żur https://earthspeakr.art/mt/involvi-ru-ek/

Dwar Olafur Eliasson

L-artist Daniż-Iżlandiż Olafur Eliasson (imwieled fl-1967) jaħdem xogħol ta’ skultura, pittura, fotografija, films, installazzjonijiet, u midja diġitali.  L-arti tiegħu hi mmotivata mill-interess tiegħu fil-perċezzjoni, fil-moviment, fl-esperjenza inkorporata, u s-sentimenti tiegħu stess kif ukoll tal-komunità.  Il-prattika tiegħu, li mhijiex limitata għal mużewijiet u galleriji tal-arti, tinvolvi lill-pubbliku permezz ta’ proġetti arkitettoniċi, interventi fi spazju ċiviċi, edukazzjoni artistika, tfassil ta’ politki u azzjoni klimatika. Eliasson hu magħruf internazzjonalment għall-installazzjonijiet pubbliċi tiegħu li jisfidaw il-mod kif naraw u noħolqu flimkien l-ambjenti tagħna.  Fl-2003, hu ħoloq il-proġett “The weather”, xemx tiddi mgħottija fiċ-ċpar taħt is-saqaf tat-Turbine Hall f’Tate Modern ta’ Londra.  Fl-2008, Eliasson bena erba’ kaskati artifiċjali  tul il-kosta ta’ Manhattan u Brooklyn għal “The New York City Waterfalls”.  Hu esplora wkoll il-potenzjal tal-arti biex tindirizza t-tibdil fil-klima, fejn għal Ice Watch hu ġab blokok kbar ta’ silġ glaċjali li jżommu f’wiċċ l-ilma fiċ-ċentri tal-bliet ta’ Kopenħagen fl-2014, ta’ Pariġi fl-2015, u ta’ Londra fl-2018.  Persuni li kienu għaddejjin setgħu jmissu frammenti tas-silġ glaċjali minn Greenland u jkunu xhieda tal-fraġilità tiegħu, hekk kif ikun qed idub quddiem għajnejhom.  Fl-2019, Eliasson inħatar bħala Ambaxxatur ta’ Rieda Tajba tal-UNDP għall-Azzjoni dwar il-Klima u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

L-Istudjo Olafur Eliasson, li jinsab f’Berlin, hu magħmul minn tim kbir ta’ nies tas-sengħa, periti, arkivisti, riċerkaturi, amministraturi, koki, studjużi tal-arti, u tekniċi speċjalizzati.

www.olafureliasson.net

Dwar il-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill tal-UE 2020

Għal tagħrif dwar il-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 2020 u l-programm kulturali, jekk jogħġbok żur www.eu2020.de.

Dwar il-Goethe-Institut

Il-Goethe-Institut hu l-istitut kulturali tar-Repubblika Federali Ġermaniża, attiv madwar id-dinja.  B’157 istitut f’98 pajjiż, il-Goethe-Institut jippromwovu l-istudju tal-lingwa Ġermaniża barra mill-pajjiż, iħeġġeġ l-iskambji kulturali internazzjonali u jwassal immaġni kontemporanja tal-Ġermanja.  Permezz ta’ sħubiji ma’ istituzzjonijiet f’diversi postijiet oħrajn, il-Goethe-Institut għandu madwar elf punt ta’ kuntatt madwar id-dinja. Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok żur www.goethe.de/EU2020

Share With: