Titlesta t-tribuna fil-Knisja ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid

Kollox lest biex tingħata t-titlu ta’ Bażilika Minuri fis-26 ta’ Lulju

Ritratti: ROGER AZZOPARDI

Ix-xogħlijiet bi preparazzjoni biex il-Knisja Parrokkli ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid issir Bażilika Minuri leħqu l-qofol tagħhom nhar il-Ġimgħa hekk kif fil-5.00 p.m. ittellgħet it-tribuna li tissimbolizza proprju li l-Knisja hi Bażilika. 

It-titlu ta’ Bażilika Minuri mistenni jingħata nhar il-Ħadd, 26 ta’ Lulju, proprju f’jum il-festa ta’ Kristu Re. Dan se jsir waqt quddiesa li se jmexxiha l-Arċisqof ta’ Malta, Charles Scicluna. Matul din l-istess quddiesa, se jinqara d-digriet mill-Vatikan, fejn il-Knisja ssir b’mod uffiċjali Bażilika Minuri. Wara jsir pellegrinaġġ bl-istatwa ta’ Kristu Re. 

Fl-aħħar ġimgħat, bosta voluntieri u benefatturi taw l-għajnuna tagħhom biex din it-tribuna nġiebet Malta minn barra l-pajjiż. Barra hekk, kienu bosta oħrajn li assistew fil-proċess biex l-ewwel twaqqfu l-erba’ kolonni li tistrieħ fuqhom it-tribuna u mbagħad biex ittellgħet it-tribuna fuq dawn il-kolonni kbar. 

Kienet xena li ġibdet l-għajn hekk kif fil-Knisja kellhom jiddaħħlu diversi inġenji mekkaniċi, trakkijiet u krejnijiet biex setgħu jittellgħu l-kolonni u anke t-tribuna nnifisha. 

Share With: