Tlieta mir-ribelli li sfiduċjaw lil Delia jinjoraw l-appell tiegħu

Wara li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ħareġ jappella għall-kawtela u prudenza f’dawn iċ-ċirkostanzi, tlieta minn fost id-19-il Deputat Nazzjonalista li fl-aħħar jiem sfiduċjawh – Beppe Fenech Adami, Jason Azzopardi u Karol Aquilina – ħarġu stqarrija f’isem l-Oppożizzjoni fejn injoraw l-appell tiegħu u ħarġu jattakkaw l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.

Fenech Adami, Azzopardi u Aquilina qalu fi stqarrija li l-aħbar li Melvin Theuma jinsab fil-periklu tal-mewt turi kif l-istat falla milli jipproteġi l-ħajja tal-iktar xhud importanti fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. 

Huma qalu li dawn l-aħħar żviluppi għal darba oħra kkonfermaw kif “il-kriminalità ħakmet l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna u qiegħda tagħmel li trid” u li l-Gvern m’għandux ir-rieda u l-awtorità morali biex jiġġieled il-kriminalità. Quddiem dan kollu, huma qalu li l-Ministru Byron Camilleri għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika u jwarrab.

B’reazzjoni, il-Partit Laburista qal li l-istqarrija tal-kelliema tal-Oppożizzjoni dwar dak li ġara l-lejl li għadda fi Swieqi tagħżel li tinjora l-fatti tal-każ hekk kif magħrufa sa issa. Minflok qed tipprova tagħmel allegazzjonijiet li ma tissostanzjahomx.

“Li titlob għar-riżenja ta’ Ministru ma hi xejn għajr stqarrija tipika ta’ min l-ewwel interess tiegħu mhux il-verità jew il-ġustizzja, iżda l-opportuniżmu politiku,” qal il-PL. “Fuq kollox hija stqarrija li ġġib il-firma ta’ deputati li anke fl-aħħar sigħat deher li kellhom imorru lura minn dikjarazzjonijiet pubbliċi mgħaġġla.” 

“B’differenza, il-Gvern se jkun qiegħed iħalli l-investigazzjonijiet jaħdmu f’serenità. Fl-istess ħin il-gvern qed jibqa’ jaħdem biex iġib ir-riformi pożittivi li jkattru l-fiduċja fl-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna. Xi ħaġa li xejn ma hi tinżel tajjeb mal-istess kelliema tal-Oppożizzjoni,” temm jgħid il-PL.

Aqra wkoll:

ARA: “Il-mument li ningħaqdu fl-interess nazzjonali” … Delia jappella għall-kawtela u l-prudenza
Share With: