Valletta jridu li Floriana jiġu investigati għall-ħruġ tal-liċenzja tal-UEFA

Ir-rivalitá bejn il-ġirien Valletta u Floriana hija waħda  magħrufa minn kulħadd. Dan mhux biss fil-pitch iżda anke barra minnu fejn fl-aħħar jiem wara r-rebħ tas-26 Kampjonat fl-istorja glorjuża ta’ Floriana, din eskalat ferm.

L-aħħar sigħat kienu xhieda ta’ aktar żviluppi rigward dan hekk kif Valletta għamlu talba formali lill-MFA biex issir investigazzjoni fil-konfront ta’ Floriana.  

Fi stqarrija uffiċjali, il-club mill-belt kapitali għamel riferenza għal “allegazzjonijiet serji li għandhom x’jaqsmu mal-ħruġ tal-liċenzja tal-UEFA lil Floriana FC.”

Valletta ddikjaraw li qed jistennew “ġustizzja u trattament ugwali.” Il-club qed jitlob ukoll li jekk l-allegazzjonijiet imsemmija ikollhom bażi fondata, jiġu mposti sanzjonijiet skond ir-regolamenti tal-liċenzjar tal-clubs tal-MFA u tal-UEFA. 

Jekk dan ma jsirx, il-club Belti ddikjara li se jkun qed jieħu passi legali, kemm lokalment kif ukoll fuq livell internazzjonali, biex ikun hemm rimedju.

Il-club iddikjara li mhux se jgħaddi iktar rimarki iktar dwar dan il-każ, sakemm titlesta l-investigazzjoni li qed jitlob il-club.

Min-naħa tagħhom, Floriana, ikkundannaw bis-sħiħ dak li ddeskrivew bħala “attakk malizzjuż ieħor fil-konfront tal-club.” Dan wara li Valletta għamlu talba uffiċjali lill-MFA biex tinvestiga l-ħruġ tal-liċenzja tal-UEFA lill-club.

Fi stqarrija uffiċjali, iċ-champions Floriana ddikjaraw li l-allegazzjonijiet li qed isiru fil-konfront tagħhom huma bla bażi, intiżi li jiżgwidaw, infondati, mhux korretti u defamatorji fil-konfront tal-proċess tal-ksib tal-liċenzja.

Il-club għamilha ċara li pprovda d-dokumenti kollha mitluba f’dan il-proċess rigoruż tal-bord tal-liċenzji, li huwa bord tal-UEFA. Huwa qed jiddikjaraw ukoll li l-proċess għadda minn skrutinju u analiżi sakemm finalment il-liċenzja ngħatat lill-club fuq bażi ta’ mertu.

Floriana FC ħabbru li qed iżommu lil Valletta responsabbli għad-danni li jistgħu jwasslu minħabba l-azzjonijiet tagħhom u akkużaw lir-rivali sportivi tagħhom b’li huma parti minn serje ta’ attentati “mhux ġusti u bla bażi” biex il-club ma jkunx rikonoxxut bħala rebbieħ tal-Kampjonat Premier u sussegwentement rappreżentat fiċ-Champions League għan-nom ta’ pajjiżna.

Share With: