Veterinarji jappellaw biex is-sidien ilaqqmu lill-klieb tagħhom

Nuqqas ta’ qbil jekk hemmx żieda fil-każijiet tal-Parvovirus fil-klieb… importanti li jinżammu l-proċeduri meħtieġa u normali għall-kura tal-klieb

Minn – CARMEN CACHIA

Għadd ta’ sidien qasmu t-telfa tal-kelb għażiż tagħhom fuq il-midja soċjali kawża tal-Parvovirus, virus qattiel fi 80% tal-każijiet. Dan qajjem tħassib fost is-sidien kollha tal-klieb tant li bdew jiltilgħu ħafna kummenti fuq Facebook, kif ukoll kien hemm żieda konsiderevoli f’telefonati lill-veterinarji. Inewsmalta.com tkellem ma’ tliet veterinarji fejn kollha jaqblu li ħafna nies mhumiex ilaqqmu l-kelb tagħhom li jista’ jwassal għal aktar każijiet ta’ Parvovirus. Flimkien dawn il-professjonisti appellaw biex is-sidien ilaqqmu lill-klieb tagħhom u biex jimxu mal-proċeduri meħtieġa u normali, għal saħħet l-aqwa ħabib tal-bniedem.

Il-kelb, li huwa wieħed mill-aktar annimali domestiċi popolari u favoriti f’Malta, huwa verament ta’ wens, kumpanija u mħabba għas-sid tiegħu. Proprju għalhekk it-telfa ta’ ħabib fuq erba’ saqajn bħal dan tinħass ħafna minn dawk li jġarrbuha. Il-Parvovirus hija marda li tolqot l-aktar lill-ġriewi u dan proprju minħabba li jkunu għadhom ma tlaqqmux kontra dan il-virus u l-immunità tagħhom tkun għadha ma żviluppatx. Dan ma jfissirx li l-Parvovirus ma jattakkax ukoll lill-klieb adulti fejn infatti f’dawn il-ġranet kien hemm ukoll każi ta’ mwiet fost din il-faxxa ta’ età.

Dr Steven Mercieca, mill-Happy Paws, ikkonferma ma’ dan il-ġurnal li hemm żieda ta’ każijiet tal-Parvovirus fil-klieb u li din il-ġimgħa biss kellhom bejn erba’ u ħames każijiet. Ġeneralment dan il-virus huwa staġjonali minħabba li s-sħana ma tgħinx f’każijiet bħal dawn. “Iżda l-akbar raġuni li jseħħu infezzjonijiet ta’ dan il-virus hija li l-biċċa l-kbira tas-sidien tal-klieb mhumiex ilaqqmuhom,” sostna Dr Mercieca. 

Huwa qal li hemm tilqima għall-Parvovirus u li importanti li wieħed jagħtiha fil-ħin u li din tingħata minn veterinarji professjonisti biex tkun aktar effettiva. Huwa spjega li meta kelb ikun infettat bih, dan jibda jirremetti, jagħmel diharrea bid-demm, jintelaq u jispiċċa bla saħħa. Filwaqt li kura diretta m’hemmx, dan il-veterinarju spjega li jingħata trattament ta’ sostenn għall-kelb fosthom id-drip u antibijotiċi sakemm l-immunità tibda tiġġieled il-virus.

Importanti li wieħed ikun jaf il-proċedura tat-tilqim u li jimxi mal-iskeda fejn l-ewwel tilqima tingħata meta l-ġeru jkollu sitt ġimgħat, imbagħad tingħata oħra bejn ħmistax jew tliet ġimgħat wara, it-tielet waħda jridu jgħaddu tliet ġimgħat oħra wara u xi drabi tingħata anke r-raba’ tilqima. Dr Mercieca saħaq li wara dan il-kors ta’ tilqim, importanti li ta’ kull sena l-kelb jingħata l-booster ta’ kontra l-Parvovirus u dan bil-għan li l-kelb ikun protett kemm jista’ jkun. 

Il-parir tiegħu għas-sidien huwa li jagħtu t-tilqim kollha meħtieġa lill-klieb u dawk li ma jkunux imlaqqma ma joħorġuhomx. Minħabba li dan il-virus jinxtered faċilment, il-Happy Paws għandhom numru limitat ta’ kemm jistgħu jaraw każijiet bħal dawn kif ukoll qegħdin jieħdu proċeduri ta’ prekawżjoni oħra fosthom ħasil tal-art bid-diżinfettant u kamra apposta għall-klijenti bi klieb b’każijiet ta’ Parvovirus.

“M’hemmx għalfejn tibżgħu ladarba timxu mal-proċeduri…”

Il-veterinarja Merielle Vella qalet li din hija marda li tolqot l-aktar il-ġriewi imma tista’ tolqot ukoll lil dawk kbar fl-età. Fl-opinjoni tagħha m’hemm ebda eċċezzjoni ta’ żieda fil-każijiet tal-Parvovirus mis-snin ta’ qabel u li wieħed irid jara jekk il-każijiet humiex kollha ta’ dan il-virus, inkella jekk il-kelb ikunx marad b’xi ħaġa oħra.

Vella qalet li din hija marda gastrointestinali li tittieħed minn kelb għall-ieħor u għalhekk huwa importanti li t-tilqim jinżamm skont l-iskeda mill-veterinarji. Dawk il-klieb imlaqqma, qalet Vella, jistgħu jinħarġu għall-passiġġata barra għax it-tilqima hija effettiva ħafna, iżda possibbilment ma jħalluhomx ixommu ħafna.

“Il-Parvovirus fil-klieb huwa wieħed mill-ħafna mard li jista’ jolqothom u jinxtered faċilment. Dan huwa l-istess kunċett bħalma għandna aħna bħalissa bil-Covid-19. M’hemmx għalfejn wieħed jibża’. Importanti li wieħed jieħu l-prekawzjonijiet normali, jiġifieri dawk li jlaqqmu lill-klieb u jagħtuhom id-deworming,” temmet Dr Merielle Vella.

Każ wieħed biss f’Għawdex

Min-naħa l-oħra s-sitwazzjoni tidher ħafna aħjar fil-gżira ġara tagħna ta’ Għawdex fejn il-veterinarja Arianna Galea, mill-Galea Veterinary Clinic, qalet li f’dan l-aħħar xahar kellhom każ wieħed biss ta’ Parvovirus fil-klieb u dan kien ġeru li kien għadu ma ngħatax it-tilqima meħtieġa.

Hija qalet li bħala professjonista fil-qasam, semgħet li f’Malta hemm każijiet ta’ dan il-virus u li fortunament s’issa Għawdex m’huwiex milqut ħażin. Dr Galea ukoll temmen li l-problema hija minħabba li hawn ħafna nies li m’humiex qegħdin jagħtu t-tilqim lill-kelb tagħhom. 

“Hawn min mhuwiex responsabbli. Importanti li l-klieb ikunu mlaqqma biex bil-mod il-mod il-virus jinqata’. Il-Parvovirus jgħix fl-ambjent u bit-tilqima kontrih dejjem tnaqqas ir-riskju li l-kelb jimrad bih,” temmet Arianna Galea.

Share With: