Viċin li jitlesta l-Proġett tar-Riġenerazzjoni tal-Imqabba

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg żar il-pjazza tal-Imqabba fejn bħalissa għaddej proġett ta’ riġenerazzjoni mid-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi, b’investiment ta’ madwar €2 miljun, bħala parti minn investiment ikbar ta’ aktar minn €4 miljun li jinkludi sistema għall-ġbir tal-ilma tax-xita li timmitiga l-problema tal-għargħar. Dan il-proġett illum wasal viċin it-tmiem. Din il-ġimgħa ġie konkluż ix-xogħol infrastrutturali u ta’ pavimentar fil-pjazza.

Il-Ministru Ian Borg qal li, “hawnhekk għandna proġett ieħor komunitarju li qiegħed isir mid-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi, investment b’għanijiet infrastrutturali, soċjali u ambjentali. Grazzi għal dan l-intervent, ir-raħal pittoresk tal-Imqabba issa għandu pjazza ferm isbaħ li tixraqlu filwaqt li r-residenti se jkunu qed jaraw titjib sinifikanti fil-kwalità tal-ħajja tagħhom hekk kif wettaqna interventi biex intaffu l-problemi tal-għargħar. Nibqgħu kommessi li ninvestu fil-livell tal-għixien tal-komunitajiet tagħna.”

Is-Sindku tal-Imqabba Omar Farrugia qal li, “l-komunità Imqabbija kienet ilha snin twal għatxana sabiex tara realtijiet moderni ġodda ġewwa r-raħal tagħna. Grazzi għall-ħidma u l-għaqal ta’ dan il-Gvern b’kollaborazzjoni mal-kunsill lokali, illum qegħdin naraw din il-ħolma li qed issir realtà. Riġenerazzjoni ta’ tisbiħ fil-qalba tar-raħal li ser tagħti dehra kompletament differenti minn kif konna naraw qabel, permezz ta’ pavimentar li jixraq lil din l-istess pjazza, it-tneħħija darba għal dejjem tal-wires tal-elettriku minn mal-faċċati residenzjali kif ukoll li ttaffi wahda mill-ikbar uġigħ ta’ ras li l-Imqabbin nesperjenzaw matul is-sena – il-problema tal-għargħar. Grazzi lill-Ministru Ian Borg fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali tal-impenn sħiħ li qed iwettaq għar-raħal tal-Imqabba.”

Bħalissa għaddej ix-xogħol fuq is-sistema tal-ilma tax-xita u konnessjonijiet oħra tas-servizzi tal-ilma. Fil-jiem li ġejjin, il-proġett se jkompli għaddej b’xogħlijiet fuq id-dawl taħt l-art, sinjali u tabelli għas-sigurtà, faċilitajiet għall-arbli tal-festa u uċuħ ta’ asfalt ta’ diversi postijiet viċin il-pjazza. Minkejja li l-proġett ma kienx jinkludi l-bankina ta’ quddiem il-Każin ta’ Santa Marija u l-pavimentar tal-isqaq ta’ maġenbu, dawn ix-xogħlijiet se jsiru wkoll wara li saret reviżjoni favur proġett aktar ħolistiku.

Share With: