Wara Brexit… għandna nistennew Italexit?

Minn MELVIN FARRUGIA

Senatur popolari Taljan jniedi partit biex joħroġ lill-Italja mill-Unjoni Ewropea

Senatur magħruf Taljan nieda moviment politiku li għandu l-missjoni ewlenija li joħroġ lill-Italja mill-Unjoni Ewriopea. Jidher li bħala moviment se jkun qed jibni fuq is-sentiment li jeżisti kontra l-Unjoni Ewropea hekk kif il-pajjiż qiegħed isibha diffiċli biex jirpilja wara l-effett ekonomiku tal-Coronavirus. 

Jidher li l-eks-ġurnalist tat-televiżjoni, Gianluigi Paragone ltaqa’ ma’ Nigel Farage f’Londra qabel ma ħabbar it-twelid formali tal-partit Italexit matul din il-ġimgħa. 

Hu qal li l-Italja ma tistax tibqa’ tiġi rikattata minn pajjiżi li joffendu l-prestiġju l-kbir tal-Italja. Saħaq li hu biss stat li jkun vera sovran li jista’ jindirizza l-kriżi ekonomika li ġiet ipprovokata mill-pandemija. 

Għalhekk, proprju llum fl-10.00 a.m. fil-kamra tal-midja tal-Kamra tad-Deputati hu nieda l-partit ta’ Italexit, filwaqt li ppreżenta dan l-isem u l-logo uffiċjali tal-partit. 

Paragone qed jittama li jisfrutta s-sentiment negattiv li hemm bħalissa lejn l-Unjoni Ewropea. Dan il-partit mistenni jkun iffokat fuq kwistjoni unika, bħalma kien il-partit ta’ Brexit, biex jimbotta t-tluq tal-Italja mill-Unjoni Ewropea. 

Mistenni jimbotta d-dibattitu dwar il-possibbiltà li jseħħ Italexit, hekk kif ħafna Taljani qegħdin iħossuhom abbandunati mill-kumplament tal-Ewropa, b’mod speċjali waqt il-pandemija. 

Paragone ltaqa’ ma’ Nigel Farage biex jieħu xi pariri mingħandu. Wieħed irid jara jekk dan il-moviment hux se jkun biżżejjed biex jagħti saħħa politika għas-sentiment negattiv li żdied fost it-Taljani fl-aħħar snin kontra l-Unjoni Ewropea. 

Share With: