Waterpolo: San Ġiljan jibdew fuq nota pożittiva

Ritratt: Dominic Borg

San Ġiljan…………….17

Valletta……………….11

(5-2, 3-1, 5-1, 4-6)

Wara d-disfatta fil-finali tal-Enemed Cup fejn sfaw megħluba minn Sliema bl-iskor ta’ 10-6, San Ġiljan bdew il-kampjonat fuq nota pożittiva meta ftit li xejn tħabtu biex għelbu lil Valletta bl-iskor ta’  17-11, fejn huma rebħu s-sessjoniiet kollha ħlief għall-aħħar waħda.

Għall-Ġiljaniżi l-aqwa skorer kien il-captain Matthew Zammit b’ħames goals waqt li ż-żgħażagħ Mattias Ortoleva u Marco Mannino skorjaw erba’ goals kull wieħed.

Ta’ nota huwa l-fatt li għal Valletta ddebuttaw it-tliet players ta’ esperjenza u li rebħu kull unur li għandu x’joffri l-waterpolo lokali, Edward Aquilina, Michele Stellini u Niki Lanzon, li bejniethom skorjaw 10 mill-11-il goals tal-Beltin, bil-goal l-ieħor jasal minn Peter Borg.

Il-Ġiljaniżi għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-partita u rebħu l-ewwel sessjoni bl-iskor ta’ 5-2 bil-protagonisti jkunu Dino Zammit, Marco Mannino (2) u Mattias Ortoleva (2). Dan filwaqt li Niki Lanzon minn penalty u Edward Aquilina wieġbu għal Valletta.

Fit-tieni sessjoni kompla d-dominju minn San Ġiljan hekk kif huma ttrijonfaw b’punteġġ ta’ 3-1, bl-iskorers ikunu Matthew Zammit (2) u Dino Zammit, filwaqt li Edward Aquilina skorja l-uniku goal Belti.

Jekk qatt kien hemm xi dubju fejn kienet se tmur ir-rebħa, is-Saints aċċertaw minnha fit-tielet sessjoni hekk kif rebħuha bl-iskor ta’ 5-1, fejn Mattias Ortoleva (2), Marco Mannino, Matthew Zammit minn penalty u Dino Zammit, komplew ikabbru l-iskor biex il-Beltin wieġbu permezz ta’ Niki Lanzon.

Bil-logħba mirbuħa u mitlufa, is-Saints irrilassaw xi ftit fir-raba’ sessjoni u fil-fatt sfaw megħluba minn Valletta bl-iskor ta’ 6-4. L-iskorers għall-Beltin kienu Edward Aquilina minn penalty, Michele Stellini (3), Niki Lanzon (2) u Peter Borg, biex b’hekk irnexxielu jsib ix-xibka proprju kontra l-ex team tieghu. Dan sabiex Matthew Zammit (2), Andreas Galea, u Marco Mannino wieġbu għas-Saints.

San Ġiljan: 1-Jake Tanti, 2-Keith Tanti, 3-Andreas Galea (1), 4-Ben Grech, 5-Marco Mannino (4), 6-Matthew Zammit (5), 7-Ben Plumpton, 8-Jake Bonavia, 9-Zack Micallef, 10-Darren Zammit, 11-Paul Fava, 12-Dino Zammit (3), 13-Gareth Vassallo, 14-Mattias Ortoleva (4) – Coach: Dorian Pisani

Valletta: 1-Ryan Sciortino, 2-Peter Borg (1), 3-Edward Aquilina (3), 4-Michele Stellini (3), 5- Andrea Agius, 6-Ryan Mock, 7-Daniel Paolella, 8-Andrea Bianchi, 9-Nicholas Farrugia, 10-Miguel Zammit, 11-Keith Galea, 12-Niki Lanzon (4), 13-Thomas Micallef – Coach: Srdjan Lazaredit

Referees: Fabio Brasiliano, Stefan Licari

Share With: