Woods ammetta li qatta’ lil Charlene Farrugia

Lill-Pulizija l-ewwel qalilhom li qatilha mbagħad li kien ħabib tiegħu li għamel hekk

Fil-ħames verżjonijiet li ta lill-Pulizija r-raġel ta’ 40 sena mixli li fl-2008 qatel lil Charlene Farrugia dejjem saħaq li kien hu li qattaha biċċiet wara li din inqatlet imma waqt li fl-ewwel tliet verżjonijiet qal li kien hu li qatilha fit-tnejn l-oħra sostna li kien ħabib tiegħu li għamel hekk.

Dan irriżulta mix-xiehda tal-Ispettur James Grech hekk kif quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia bdiet tinstema l-kumpilazzjoni ta’ John Paul Charles Woods li jinsab mixli bil-qtil.

Woods, li għamel snin twal jgħix l-Ingilterra, kien qal lill-Pulizija fejn kienu l-fdalijiet ta’ Farrugia ftit wara li kien arrestat hekk kif inqabad jagħmel ‘hold-up’ minn ħanut fil-Gżira. Dwar dan il-każ kien weħel seba’ snin ħabs.

Kien waqt dan l-arrest li huwa qal lill-Ispettur Jonathan Ransley, wieħed miż-żewġ investigaturi fid-delitt, li xtaq ikellmu u hemmhekk żvela kif partijiet minnha kienu ġo swar fil-Belt mentri l-fdalijiet l-oħra kien tefahom ġo boroż tal-iskart u ħallihom fit-triq biex jinġabru.

Id-dettalji dwar il-każ ħarġu fil-preżenza ta’ Noemi Farrugia, oħt il-vittma, li f’waqtiet mix-xiehda dehret imbikkma hekk kif semgħet x’ġara minn oħtha fl-aħħar ħinijiet tagħha.

L-Ispettur Grech spjega kif wara li Woods talab li jkellem pulizija dwar l-għibien ta’ Farrugia li beda jirrakkonta lill-Ispettur Ransley b’dak li ġara fejn l-ewwel verżjonijiet kienu pjuttost simili.

L-ewwel verżjoni

Woods qallu li Farrugia kienet is-sieħba ta’ ċertu Jonathan Attard li jgħidulu l-“Harry Potter” u sostna li kien qed jaħdem fl-appartament tat-tfajla tiegħu f’San Pawl il-Baħar meta ġiet u talbitu għal xi flus li kellu jagħti lil Attard.

F’ħin minnhom qam argument bejniethom u hija qaltlu li kienet se tgħid lil Attard li kellhom relazzjoni flimkien.

Kien hawn li qabad sikkina li biha kien qed jaħdem fil-post u taha daqqa  f’għonqha imma peress li ma mititx mill-ewwel fgaha.

Imbagħad ħareġ il-katavru għal fuq saqqu li kien hemm fil-bitħa tal-appartament u ħallih hemm imma mbagħad induna li d-demm kien qed iċarċar fid-‘drain’ u għalhekk beża’ li jinnutawh il-ġirien.

Kien għalhekk li reġa’ daħħal il-katavru ġewwa u ħasel il-bitħa u l-ħajt peress li kellu tiċpis tad-demm.

Xi ġirien bdew jilmentaw mill-irwejjaħ u huwa qalilhom li kien hemm problema bid-drenaġġ.

Hawnhekk iddeċieda li jqattaha fejn partijiet mill-ġisem tefahom ġo boroż u ħariġhom barra biex jinġabru mill-‘scammel’ mentri l-kumplament tefahom f’boroż u ħadhom bil-karozza tagħha lejn il-Belt. Hemmekk xtara xi droga u mar ġos-swar fejn tefa l-fdalijiet.

L-Ispettur Grech żied li wara li tahom din il-verżjoni huma marru fuq il-post fejn Woods urihom fejn kien hemm id-demm.

Għalkemm instab ammont ta’ demm dan tant kien żgħir li l-esperta tad-DNA ma setgħetx tieħu kampjun biżżejjed biex minnu toħroġ profil ta’ min kien.

Il-Pulizija talbet ukoll lil oħt il-vittma biex tagħti kampjun tad-demm ħalli jkun jista’ jiġi stabbilit jekk l-għadam li nstab fis-swar kienx ta’ Charlene Farrugia u eventwalment irriżulta li qablu.

Mill-investigazzjoni tal-Pulizija rriżulta wkoll li jumejn qabel is-sieħeb ta’ Farrugia, Jonathan Attard, kien tressaq il-Qorti b’rabta ma’ pussess tad-droga u hija kienet ġiet tiġbor il-karozza.

Huwa spjega wkoll li peress li Attard kien il-Ħabs hija kienet qed teħodlu ħsieb it-tfal imma dakinhar dawn irritornaw id-dar u ma sabuhix hemm.

Mill-investigazzjoni tal-Pulizija rriżulta wkoll li xi jiem qabel Attard ċempel lil Farrugia u hija nstemgħet tgħid li ma kellhix flus u li Woods kien qed jiffittaha waqt li Attard instema jistaqsiha jekk tahix il-flus.

It-tieni verżjoni

Waqt li fl-ewwel verżjonijiet kien qalilhom li kien hu li qatilha, fil-verżjonijiet sussegwenti huwa bidel il-verżjoni ta’ min qatel lil Farrugia.

Skont l-Ispettur Grech, Woods sostna magħhom li kien Jesmond Cassar magħruf bħala “Tito” li qatilha.

L-uffiċjal prosekutur qal li dan kien ilu suspettat bil-qtil u spjega kif Cassar kien is-sieħeb ta’ Abigail Tanti li tiġi oħt Jonathan Attard.

Woods qalilhom li lil Cassar kien jafu minħabba l-vizzju u kellu jġiblu d-droga. Huwa ħalla lil Cassar u lil Farrugia fl-appartament biex imur jixtri s-siringi imma meta rritorna jsib lil Farrugia mal-art u tidher mejta u lil Cassar b’xafra f’idu.

Woods qal lill-Pulizija li x’ħin ra hekk mar fuq Cassar u mbuttah mentri dan tah daqqa fi splattu qabel waqa’.

Cassar telaq ‘il barra mill-appartament u ma ġiex lura u kien għalhekk li Woods iddeċieda li jqatta’ il-katavru fejn sostna li uża ‘hacksaw’.

Xi jiem wara ħareġ parti mill-fdalijiet ġo boroż tal-plastik u ra lil Cassar jirkeb karozza. Meta niżel u ma sabhomx imma boroż oħra tal-iskart kienu għadhom hemm issuspetta li kien Cassar li ħadhom.

Dwar il-kumplament tal-fdalijiet qal li ħadhom bil-karozza fis-swar fejn instabu u li mar ma’ Kevin Brincat jixtri d-droga u ħallilu l-karozza qabel irritorna dar b’tal-linja.

Konfront bejn Woods u Cassar

Peress li l-Pulizja ma emmnitx lil Woods dwar it-tieni verżjoni tiegħu hija għamlet konfront bejnu u bejn Cassar fejn, skont l-Ispettur Grech, dan qajjem l-istess mistoqsijiet li kellhom il-Pulizija.

F’ħin minnhom anke ssemma li Woods ħa fdalijiet ġo bagalja tas-safar b’tal-linja imma anke hawn il-Pulizija ma emmnitx din il-verżjoni.

Il-kumpilazzjoni dwar il-qtil se tkompli l-Erbgħa 15 ta’ Lulju fejn mistenni jixhed l-Ispettur Ransley.

Waqt li Woods għandu jiddefendih lill-Avukat Roberta Bonello, il-familja Farrugia għandha jidher għaliha lill-Avukat Mario Mifsud.

Share With: