Xjenzati jgħidu li l-Covid-19 jista’ jinfirex fl-arja

L-Għaqda Dinjija tas- Saħħa qiegħda tanalizza rapport minn 200 xjentist li qed iħeġġiġha biex taġġorna l-gwidi tagħha dwar il-Covid-19 hekk kif skont dawn l-esperti hemm evidenza li dan il-virus qiegħed jinfirex permezz ta’ partiċelli żgħar fl-arja.

Il-WHO dejjem sostniet li s-SARS-CoV-2 – li huwa l-virus li jikkawża l-Covid-19 – jinfirex primarjament permezz ta’ qtar żgħir mill-imnieħer u l-ħalq ta’ persuna li tkun diġà infettata, qtar li malajr jinżel lejn l-art.

Iżda f’ittra miftuħa ppubblikata fl-aħħar jiem fil-ġurnal Clinical Infectious Diseases, 239 xjentist minn 32 pajjiż differenti qalu li sabu evidenza li l-partiċelli infettati fl-arja jistgħu jmarrdu lil persuni li jeħduhom man-nifs. Minħabba li dawn il-partiċelli jistgħu jivvjaġġaw fl-ajra dawn ix-xjenzati qegħdin iħeġġu lill-WHO biex taġġorna l-linji gwida tagħha. Fid-dawl ta’ dan kelliem għall-WHO qal li din l-istituzzjoni internazzjonali hija konxja ta’ dan ir-rapport u qiegħda ssir l-analiżi neċessarja.

Share With: