Żewġ persuni arrestati b’rabta ma’ serqa f’Birkirkara

Żewġ persuni li allegatament kienu involuti f’serqa li seħħet nhar l-Erbgħa filgħodu f’ħanut f’Birkirkara, jinsabu f’idejn il-Pulizija. Wara diversi analiżi ta’ filmati ta’ kameras tas-sigurtà u investigazzjonijiet bla waqfien mill-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra r-Reati Vjolenti fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, f’inqas minn 48 siegħa, il-Pulizija rnexxielha tasal għal min allegatament wettaq is-serqa.
Nhar l-Erbgħa filgħodu, għall-ħabta tat-8. 15 a.m. il-Pulizija ġew infurmati li seħħet serqa minn ħanut tal-logħob li jinsab fi Triq il-Wied, f’Birkirkara. Fuq il-post, il-Pulizija sabu lill-impjegat, raġel ta’ 32 sena residenti Ħ’Attard, fejn spjega li huwa kien għadu kemm ħareġ mill-istabbiliment b’basket bil-flus. Malli kien se jpoġġih fil-karozza, waqaf ħdejh mutur.
L-impjegat allega li s-sewwieq tal-mutur ħareġ sikkina u ħadlu l-basket li fih kien hemm ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti. Wara, il-ħalliel ħarab minn fuq il-post.
Minn investigazzjonijiet intensivi li saru fis-sigħat ta’ wara l-allegat serqa, irriżulta li fis-serqa hemm l-involviment tal-istess impjegat, flimkien mal-allegat ħalliel, raġel ta’ 42 sena residenti l-Gżira. Iż-żewġt irġiel ġew arrestati u fl-aħħar sigħat, wara diversi tfittxijiet f’garaxxijiet u residenzi privati, il-Pulizija tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali sabu l-mutur li ntuża fis-serqa, kif ukoll parti kbira mill-flus misruqa, li ħafna minnhom kienu moħbijin f’partijiet tal-mutur.
Iż-żewġt irġiel ta’ 42 sena u 32 sena mistennija jitressqu il-Qorti b’arrest, illum quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke.

Share With: