Żewġ żgħażagħ arrestati wara hold-up fuq tliet għawwiema f’Pembroke

Żewġ żgħażagħ ġew arresatti u qed jinżammu fil-kustodja tal-Pulizija b’rabta ma’ serqa li allegatament wettqu lbieraħ waranofsinhar f’Pembroke. Iż-żgħażagħ, wieħed ta’ 18-il sena residenti Raħal Ġdid u ieħor ta’ 23 sena residenti Ħal Tarxien, kienu arrestati ftit ħin biss wara li seħħet is-serqa mill-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra r-Reati Vjolenti fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, f’ħidma konġunta mal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit u tad-Distrett ta’ San Ġiljan.

Kien ilbieraħ għall-ħabta tat-3.20 p.m. li l-Pulizija ġew informati li fl-inħawi tat-Torri tal-Madliena, fil-limiti ta’ Pembroke, tliet iriel sfaw misruqa minn żewġ persuni li wieħed minnhom kien armat b’pistola.

Fuq il-post marru minnufih il-Pulizija tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, tar-Rapid Intervention Unit u tad-Distrett ta’ San Ġiljan. Hemmhekk sabu lill-vittmi – żewġ Maltin ta’ 46 sena resienti l-Ħamrun, ieħor ta’ 64 sena residenti Tas-Sliema u Taljan ta’ 61 sena residenti l-Ħamrun – li spjegaw li waqt li kienu qed jgħumu żewġ persuni b’wiċċhom mgħotti resqu lejhom u talbuhom il-flus. Ħin minhom, wieħed miż-żgħażagħ ħareġ pistola u ppuntaha lejn ras wieħed mill-irġiel. Ftit wara iż-żagħżugħ l-ieħor qabad basket ta’ wieħed mill-vittmi u ħarbu lejn Baħar iċ-Ċagħaq.

Bid-deskrizzjoni taż-żewġ persuni f’idejn il-Pulizija, bdiet tfittxija fl-akwati, li wasslet biex għall-ħabta tal-5.30 p.m. waqt li l-Pulizija mid-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali kienu qegħdin iduru l-akwati tal-boathouses f’Baħar iċ-Ċagħaq innotaw vettura tal-għamla BMW b’żewġ żgħażagħ fiha li qajmu suspett hekk kif kienu jaqblu mad-deskrizzjoni tal-persuni mfittxijin.

Malli l-Pulizija għamlulhom is-sinjal biex jieqfu huma ħarbu jsuqu b’veloċità sakemm ġew iċċirkondati. Huma pprovaw jaħarbu bil-ġiri, madankollu nżammu mill-ewwel u ġew arrestati.

L-Assistent Kummissarju responsabbli mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, Sandro Gat, qal li “l-arrest ta’ dawn iż-żewġ persuni ftit ħin biss wara li bdejna ninvestigaw turi mhux biss il-ħidma f’waqtha bejn diversi taqsimiet tal-Pulizija, imma ukoll grazzi għad-deskrizzjoni tajba li ngħatajna tal-allegati agressuri. L-investigazzjonijiet wasslu wkoll biex minn tfittxija li saret, wara waħda mill-boathouses f’Baħar iċ-Ċagħaq minn fejn ġew arrestati ż-żewġ persuni, instabet l-arma li allegatament intużat kif ukoll il-ħwejjeġ li kellhom l-agressuri biex jgħattu wiċċhom. Dawn iż-żewġ persuni li allegatament wettqu s-serqa issa jinsabu fil-kustodja tal-Pulizija għal aktar stħarriġ.”

Intant Il-Pulizija rringrazzjat lill-pubbliku tal-koperazzjoni li wriet. L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.

Share With: