Żieda fil-każijiet tal-Parvovirus fil-klieb minħabba li n-nies mhumiex ilaqqmuhom

Miktub Minn CARMEN CACHIA              

Għadd ta’ veterinarji għamlu appell biex is-sidien tal-klieb ilaqqmu lill-klieb tagħhom u jimxu mal-proċeduri normali għall-kura ta’ saħħet l-annimali domestiċi tagħhom. Wara kummenti li dehru fuq il-midja soċjali fejn tħabbru għadd ta’ mwiet fost il-klieb minħabba l-Parvovirus, dan is-sit ikkuntatja numru ta’ veterinarji fejn ikkonfermaw li fi żmien is-sajf normalment jiżdiedu l-każi ta’ dan il-virus. Skonthom il-problema hija li ħafna nies mhumiex ilaqqmu l-klieb u dan iżid ir-riskju.

Il-Parvovirus l-aktar li jolqot lill-ġriewi li jkunu għadhom ma ngħatawx it-tilqim meħtieġ u fis-sajf jidher li jattakka iżjed. F’dawn l-aħħar ġranet ġew irrapportati numru sostanzjali ta’ klieb morda bil-Parvovirus u dan ma kienx fi ġriewi biss. Xi veterinarji bdew jirċievu ħafna telefonati minn sidien inkwetati, mentri oħrajn ikkonfermaw li f’inqas minn ġimgħa diġà kellhom erbat iklieb morda bil-Parvovirus.

Din il-marda tinxtered u tittieħed ħafna b’mod speċjali mill-ħmieġ tal-klieb. Il-parir tal-professjonisti fil-qasam huwa li jingħataw it-tilqim kollha kontra dan il-virus, li jingħataw id-deworming u biex is-sidien jevitaw li jħallu lill-kelb ixomm ħafna meta joħorġuhom barra. 

F’Għawdex din is-sitwazzjoni hija anqas inkwetanti fejn f’xahar kien irrapportat każ wieħed biss ta’ Parvovirus. Dan kien ġeru li kien għadu ma tlaqqamx kontra l-virus.

Għalhekk, huwa importanti li s-sidien iżommu mal-iskeda tat-tilqim tal-klieb tagħhom u li jekk jaraw sintomi fosthom rimettar, diharrea li xi drabi tkun bid-demm u dgħjufijja fil-kelb, jikkuntatjaw lill-veterinarju minnu fih.

Aktar dettalji f’L-ORIZZONT ta’ għada u fuq dan is-sit.

Share With: