Żwieġ b’saħħtu b’differenza

Bidu ta’ tranżizzjoni tas-sess għar-raġel waslet biex il-koppja tersaq iżjed viċin xulxin

Minn ANTHEA CACHIA

Koppja mill-Istati Uniti saħqu li llum iż-żwieġ tagħhom huwa ħafna aktar b’saħħtu u jinsabu aktar kuntenti wara li r-raġel tagħha beda t-tranżizzjoni għal mara. 

Taylor Vanmalsen, minn Michingan, spjegat kif ilha minn mindu kienet żgħira bix-xewqa li tagħmel it-tranżizzjoni għal mara tant li qalet dwar din ix-xewqa lil mara tagħha Sarah, fil-bidu tar-relazzjoni tagħhom. 

“Sarah kienet l-ewwel persuna li qatt għidt dwar dan u hija kienet vera grata talli għidtilha l-verità. Bdejt inħossni qisni qiegħda inċaħħadha milli jkollha raġel, b’mod speċjali għax kont inkun ta’ spiss imdejqa bijja nnifsi. Imma llum il-ġurnata nista’ nkun aktar libera filwaqt li nibqa’ nħobb u nieħu ħsieb lil Sarah,” spjegat Taylor.

Sarah kellha tmur għat-terapija għal tmien xhur biex jirnexxielha taċċetta din ir-realtà u saħansitra kienet tbati minn stress u ħafna ansjetà. Iżda permezz tat-terapija stess irnexxielha tkun ta’ sostenn għat-tranżizzjoni fl-2018, ftit wara t-twelid ta’ binthom Valerie. 

“Kont ngħix ħajja riservata ħafna. Lanqas kont naf x’iġifieri trans u allura meta qaltli Taylor, għidtilha, ‘orrajt. Grazzi talli għidli’,”qalet Sarah. Iżda maż-żmien bdiet tinnota li Taylor kienet qiegħda ssofri minn dipressjoni u ‘sigriet’ kien qiegħed idejjaqha. 

“Bdejt nibża’ li se mmur id-dar wara x-xogħol u nsib li Taylor għamlet xi ħaġa biex tweġġa’ lilha nnifisha,” qalet Sarah filwaqt li spjegat kif l-unika mod ta’ kif setgħu ifejqu d-dipressjoni kienet it-tranżizzjoni. 

“Nixtieq li nuri lil persuni oħra li huma trans li ż-żwieġ xorta jista’ jkun wieħed b’saħħtu. Partners trans jista’ jkun li jinbidlu minn barra iżda minn ġewwa l-istess se jibqgħu, imma aktar kuntenti,” qalet Taylor.

Taylor nefqet madwar $29,000 fuq kirurġija plastika biex tneħħi xi karatteristiċi maskili kif ukoll tkabbir tas-sider u filler tax-xuftejn. Minkejja li għamlet dawn l-operazzjonijiet biex tieħu d-dehra ta’ mara, il-bidla kompluta tal-ġeneru “għad m’hemmx ħsieb għaliha.”

Taylor spjegat kif iddeċidiet li żżomm l-isem Taylor, “li hija xi ħaġa ironika għax meta kont raġel kont nobodu l-isem,” filwaqt li qalet li qabel kienu jaqbdu magħha għaliex Taylor kien qisu isem ta’ tifla.

“Ħafna nies jaħsbu li għamilt xi ħaġa ta’ barra minn hawn, imma fil-verità jiena ma kellix għalfejn niżżewiġha. Kont naf kif kienet taħsibha mill-bidu. L-agħar li kieku qaltli 10 snin wara. Jiena nħobb lil Taylor għal persuna li hi u hija xi ħaġa pożittiva ħafna li qiegħda naraha daqstant kuntenta,” qalet Sarah. 

Share With: