100 jum mingħajr l-ebda każ ta’ trażmissjoni lokali fi New Zealand

New Zealand ilha 100 jum mingħajr l-ebda każ ta’ trażmissjoni lokali tal-Covid-19. L-aħħar każ ta’ trażmissjoni fil-komunità kien irreġistrat fl-1 ta’ Mejju, xi jiem wara li l-pajjiż beda jirrilaxxa l-miżuri tal-lockdown.

Illum kien ir-raba’ jum infila li fih ma kienx hemm każi ġodda tal-virus, bit-total ta’ każi attibi fil-pajjiż jibqa’ dak ta’ 23 persuna li qed jinżammu kollha f’iżolament. Minkejja dawn ir-riżultati, il-pajjiż sofra d-danni tiegħu kawża tal-pandemija tant li b’kollox ġew ikkonfermati 1,219 każ u kien hemm 22 persuna li tilfu ħajjithom.

Il-pajjiż issa qed jitqies bħala eżempju ta’ kif jikkontrolla l-pandemija u l-gvern kważi neħħa kull restrizzjoni li daħlu fis-seħħ f’Marzu li għadda. Minkejja dan ir-riżultat, l-ogħla awtoritajiet fil-pajjiż qed iwissu li minkejja dan ir-riżultat pożittiv mhux eskluż li l-pajjiż jintlaqat mit-tieni mewġa tal-pandemija.

Xi pajjiżi oħra kellhom suċċess kontra l-virus sakemm fi ftit jiem wara li neħħew ir-restrizzjonijiet li kienu qed jaffettwaw l-ekonomija spiċċaw b’żieda qawwija fil-każi.

Share With: