Adrian Delia jgħid li l-PM Robert Abela “jrid media black out”

Delia qal dan fid-dawl tal-aħbar li wara 23 sena il-porgramm Xarabank mhux se jkun inkluż fl-iskeda li jmiss

“Il-Maltin u l-Għawdxin bi dritt jippretendu xandir pubbliku li jkun imparzjali, daqstant ieħor l-Oppożizzjoni wkoll trid li x-xandir nazzjonali jkun wieħed imparzjali, u li m’għandux jintuża mill-Gvern għall-promozzjoni partiġġjana tiegħu iżda li jirrifletti opinjonijiet differenti.” Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar ix-xandir pubbliku.

Adrian Delia qal li ma jistax ma jiġix innuttat l-fatt li l’hekk imsejħa riforma li l-Gvern Laburista qed jippjana għax-xandir nazzjonali, donnha bdiet billi ddeċieda li waqqaf il-programm Xarabank, l-iżjed programm ta’ diskussjoni popolari f’Malta, li kien jagħti ċans lil kulħadd isemma’ leħnu.

Robert Abela kien beda da nil-ħtif tax-xandir nazzjonali billi użah biex jindirizza konferenzi tal-ahbarijiet partiġġjani u biex jattakka lill-Oppożizzjoni. Abela meta jfettillu jagħżel ukoll li flok jindirizza lill-pajjiż fuq ix-xandir nazzjonali, juża l-istazzjon tat-televiżjoni tal-Partit Laburista, biex hemmhekk jgħid li jrid u jattakka lill-Oppożizzjoni kif irid u b’hekk jevita lill-Awtorità tax-Xandir, li hija kostituzzjonalment responsabbli li jitħares il-bilanċ politiku fix-xandir f’Malta.

L-Oppożizzjoni qegħda tisħaq ukoll dwar il-bżonn li x-xandir nazzjonali jwassal l-fehmiet ta’ kulħadd b’mod ibbilanċjat u sħiħ; xandir nazzjonali li verament jinforma u jeduka lis-setturi kollha tas-soċjeta’ tagħna; li jassigura bil-fatti level playing field u bi spazju dedikat għal xandir għal fehmiet differenti u l-imsieħba soċjali. Issuġġerejna li jsir fond, li jitmexxa b’mod indipendenti mill-Gvern, li jgħin żgħażagħ jidħlu għall-professjoni tal-ġurnaliżmu, kif ukoll fond li jgħin lill-media houses indipendenti li joffru servizz tal-aħbarijiet lokali. Adrian Delia qal bħala Oppożizzjoni ġġilidna wkoll l-ISLAPP, u ressaqna proposti biex deċiżjonijiet li jittieħdu f’xi Qorti oħra barranija kontra xi ġurnalist jew ġurnalista Malti jew Għawdxija ma tiġix eżegwita mill-Qorti ta’ Malta.

Adrian Delia qal li l-PN jemmen fl-importanza tal-libertà tal-espressjoni u jrid wkoll jonora l-ħidma importanti tal-ġurnalisti investigattivi, mhux inqas dik ta’ Daphne Caruana Galizia. Kien għalhekk li bħala Kap tal-Oppożizzjoni kiteb lill-ispeaker tal-Kamra biex is-sala tal-Parlament tagħna tissemma’ għall-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Sfortunatament pajjiżna jinsab dejjem nieżel ‘l isfel fl-indiċi internazzjonali dwar il-ġurnaliżmu u dwar il-liberta’ tal-kelma u l-espressjoni.  Fi sfond ta’ xandir nazzjonali maħkum, jeħtieġ nipproteġu u nħeġġu aktar il-professjoni tal-ġurnaliżmu, sabiex nassiguraw demokrazija b’saħħitha għal pajjiżna.

Errol Cutajar qal li hija mhux biss ħasra imma wkoll insult li x-xandir nazzjonali jintuża mill-Gvern Laburista biex minflok titwassal l-informazzjoni ta’ importanza nazzjonali, jintuża biex jattakka lill-Oppożizzjoni f’ċirkostanzi fejn ma tistax tiddefendi lilha nnifisha fl-immedjat u tirribatti lura. Huwa qal hemm obbligi Kostituzzjonali li x-xandir nazzjonali jkun ibbilanċjat iżda qegħdin naraw kif l-iżbilanċ qed ikun wieħed sottili ħafna, meta l-poplu Malti għandu d-dritt li jisma’ l-veduti ta’ kulħadd u għaldaqstant jeħtieġ li jkollna soċjeta’ tolleranti u għalhekk l-Oppożizzjoni hija impenjata bis-sħiħ li tara li dawn id-drittijiet fundamentali jibqgħu jiġu rispettati. Errol Cutajar qal li hija ironija wkoll kif il-Prim Ministru Robert Abela qatt ma aċċetta li jkollu dibattitu mal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.

Dione Borg qal li kull meta jkun hemm il-Partit Laburista fil-Gvern, in-nies dejjem isibu sarima ma’ ħalqhom biex jesprimu ruħhom, u wara li l-Gvern ikkontrolla l-istituzzjonijiet kollha ta’ pajjiżna issa qed idur biex jikkontrolla wkoll ix-xandir nazzjonali. Dan meta r-rekord tal-Gvern Laburista fix-xandir nazzjonali huwa wieħed ħażin ħafna tant li dejjem jara kif se jikkontrollah u hekk qed jerġa’ jagħmel illum billi jimplimenta stratġeija fejn ma jkunx hemm dibattitu san, li s-soċjeta’ tant għandha bżonn. Huwa qal li l-Gvern Laburista mhux qed iressaq ir-riformi li verament jeħtieġ sabiex tissaħħaħ id-demokrazija, tant li hija kwistjoni ta’ mentalita’ tal-Partit Laburista fejn sfortunament taħt it-tmexxija tieħu, pajjiżna qiegħed dejjem jinżel fil-World Press Index, minkejja r-riformi u sforzi kbar li saru mill-Partit Nazzjonalista fit-tmeninijiet biex ikollna xandir verament ħieles.

Din il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia, mill-Kunsillier fil-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala u kandidat tal-PN Errol Cutajar, u mill-ġurnalist u kandidat tal-PN Dione Borg.

Share With: