AĠĠORNAT: 13-il xahar ħabs wara li ġie arrestat fi Franza minħabba frodi ta’ €75,000

AĠĠORNAT: Chaharou Ibrahim ta’ 38 sena min-Niger ammetta l-akkużi ta’ frodi u l-akkuża li naqas milli jiddikjara aktar minn €10,000 fi flus kontanti. Hu weħel 13-il xahar ħabs u ġie mmultat €2,687.50 mill-Maġistrat Doreen Clarke.

Ir-raġel, li m’għandu ebda indirizz fiss f’Malta, jidher li kien il-moħħ tar-reat.

Il-Prosekuzzjoni fil-każ tmexxiet mill-Ispettur Silvio Magro, filwaqt li l-avukat Victor Bugeja kien l-avukat tal-Għajnuna Legali li ddefenda lil Ibrahim fil-każ.

Aktar Kmieni: Investigazzjonijiet intensivi mmexxija mill-Pulizija stazzjonati mal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, b’rabta ma’ każ ta’ frodi ta’ madwar €75,000, li seħħ fl-2013, wasslu biex ġiet identifikata persuna oħra li allegatament kienet involuta f’dan ir-reat. 

Permezz ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew, raġel ta’ 35 sena, imwieled in-Niġer, kien arrestat fi Franza u minnufih bdew proċeduri sabiex ir-raġel jiġi estradit lejn Malta. Fil-fatt, fl-aħħar sigħat, ir-raġel inġieb Malta taħt arrest minn Pariġi, eskortat minn żewġ Pulizija Maltin. 

Lura f’Ottubru tal-2013, il-Pulizija arrestat żewġt irġiel mill-Kongo hekk kif kienu se jaħarbu minn Malta, mill-Port il-Kbir. Huma kienu arrestati ftit tas-sigħat wara li sid ta’ ħanut tal- ġojjellerija li jinsab fil-Marsa għamel rapport lill-Pulizija li kien ħallas mas-€75,000 għal ammont ta’ deheb li rriżulta li kien deheb falz. Il-bejgħ tad-deheb sar f’lukanda fil-Gżira, b’sid il-ħanut jinduna li d-deheb kien falz wara li l-persuni nvoluti kienu laħqu telqu bil-flus f’idejhom. 

Fil-jiem ta’ wara, f’Ottubru 2013, iż-żewġt irġiel mill-Kongo kienu tressqu l-Qorti u kienu akkużati li għamluha ta’ negozjanti tad-deheb u permezz ta’ deheb falz, ingannaw sid ta’ ħanut is-somma ta’ €75,000. F’Awwissu tal-2014 huma kienu instabu ħatja mill-Qorti tal-Maġistrati u ġew ikkundannati sentejn u sitt xhur priġunerija kull wieħed. 

Iżda l-investigazzjonijiet tal-Pulizija ma waqfux hawn hekk kif irriżulta li f’dan il-każ kienet involuta t-tielet persuna li rnexxielha taħrab minn Malta mill-ajruport.

Bdew investigazzjonijiet mill-Pulizija stazzjonati mal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fejn irriżulta li l-persuna mfittxija x’aktarx qiegħda fi Franza. Il-Pulizija Maltija, assistiti mill-Pulizija Franċiża, wasslu biex tkun identifikata fejn tinsab din it-tielet persuna nvoluta f’dan ir-reat u nħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew mill-awtoritajiet Maltin. Ir-raġel ta’ 35 sena, imwieled in- Niġer kien arrestat fi Franza. 

Fil-jiem illi ġejjin, ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti sabiex jibda’ jgħaddi proċeduri b’rabta mar-reat ta’ allegat frodi li seħħ seba’ snin ilu.

Share With: