AĠĠORNAT: Ħu Saviour Gaffarena jammetti li żamm arma biex iwettaq delitt

Żewġt irġiel fosthom ħu Saviour Gaffarena ammettew li żammew arma tan-nar mingħajr il-liċenzja tal-Pulizija. Saviour Gaffarena nqatel tard nhar l-Erbgħa li għadda fi sparatura li fiha ndarab ukoll kuġinuh Vince Gaffarena.

L-irġiel – Miguel Gaffarena ta’ 30 sena mill-Imqabba u Joseph Gaffarena ta’ 63 sena minn Ħal Kirkop, ġew akkużati li waqt li kienu fl-Imqabba jew fi bnadi oħrajn f’Malta, nhar il-Ġimgħa li għadda u fil-ġranet ta’ qabel, żammew f’xi fond jew kellhom fil-pussess tagħhom arma tan-nar mingħajr liċenzja.

Huma ġew akkużati wkoll b’assoċjazzjoni bil-għan li jagħmlu delitt f’Malta li għalih hemm il-piena ta’ priġunerija.

L-akkużat ta’ 30 sena wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu u ġie ikkundannat disa’ xhur priġunerija sospiżi għal tmintax-il xhar u tqiegħed taħt ordni ta’ probation għal żmien sena.

L-akkużat ta’ 63 sena wieġeb ukoll ħati għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu u ġie ikkundannat iħallas multa ta’ €800.

B’rabta mal-qtil ta’ Saviour Gaffarena u l-attentat fuq kuġinuh Vince ġew arrestati żewġ żgħażagħ – Leon Debono u Owen Schembri.

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Anzjan Melvyn Camilleri. 

Share With: